Żewġ skejjel u student rebħu kompetizzjonijiet separati, parti minn inizjattiva li ħadet il-pjattaforma ‘Ġemma’, immirata biex issaħħaħ l-għarfien finanzjarju permezz tal-ippjanar tal-infiq.
L-istudent Daniel Attard rebaħ il-kompetizzjoni bl-isem ta’ ‘Karus’, billi ħoloq app li tista’ tintuża kemm fuq sistemi android ukif ukoll fuq sistemi IOS
Ma’ ONE News, huwa spjega kif se taħdem eżattament din l-app.
“Din l-app se taħdem b’kollaborazzjoni bejn il-ġenituri u t-tfal, fejn it-tifel jikkrea l-ħidma u, meta titlesta din il-ħidma, il-ġenitur japprovaha, u flimkien jistgħu jaraw viżwalment il-ħidmiet tat-tfal. Allura toħloq relazzjoni għat-tfal, bejn il-flus, u l-ħidma li jridu jagħmlu biex jiġu dawn il-flus.”
L-app hija maħsuba biex tibni relazzjoni bejn il-ġenituri u t-tfal dwar l-infiq fid-dar.
Din tagħti wkoll sens ta’ valur lix-xogħol.
Ingħata wkoll rikonoxximent għall-kompetizzjoni, ‘The Money Challenge’, fejn skemi ta’ din ix-xorta jiġu promossi fl-iskejjel.
Bit-tema “Build your Future, be Smart about Money”, għaxar skejjel ipparteċipaw u ħejjew proġett viżiv ta’ għaxar minuti, li fih jagħmlu l-proposta finanzjarja tagħhom.
Il-Kulleġġ San Tumas More u Kulleġġ San Ġorġ Preca rebħu din il-kompetizzjoni, għall-ideat innovattivi tagħhom.
Minn fost l-istudenti taż-żewġ skejjel rebbieħa, tkellimna ma’ Alaih Aquilina, studenta fl-iskola sekondarja ta’ Santa Luċija.
“Minn din il-kompetizzjoni, tgħallimna kemm huwa importanti li nibżgħu għall-flus, mhux għalina biss imma anke għall-ġenerazzjonijiet ta’ warajna.”
Il-Ministru Michael Falzon qal li din l-inizjattiva tgħallem lill-istudenti li, minkejja li lkoll ikollna diversi xewqat, huwa essenzjali li nagħmlu deċiżjonijiet finanzjarji għaqlin.
“Huwa importanti li wieħed jagħraf jagħmel l-għażliet li huma importanti tul ħajtu, sa minn età żgħira u huwa wkoll importanti li wieħed jibda jippjana finanzjarjament il-flus tiegħu, anke għal perjodu li hu relattivament fit-tul.”
L-app tista’ titniżżel mis-sit: https://gemma.gov.mt/karus/.