L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi inawgura u bierek Casa Fratelli Tutti, dar li tilqa’ saċerdoti minn pajjiżi foqra li jixtiequ jistudjaw il-Liċenzjat fit-Teoloġija Pastorali fil-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta. L-għan ta’ Casa Fratelli Tutti hu li
l-Knisja f’Malta u l-Università jagħtu opportunità lil saċerdoti barranin biex ikomplu l-istudji tagħhom f’Malta minkejja l-isfidi finanzjarji u kulturali li jistgħu jiltaqgħu magħhom. Bħalissa f’din id-dar qed jgħixu ħames saċerdoti min-Niġerja u
ż-Żimbabwe.
Casa Fratelli Tutti, li tinsab fid-daħla tas-Seminarju tal-Arċisqof f’Tal-Virtù fir-Rabat, fiha ħamest ikmamar tas-sodda, kċina, kappella, u kamra fejn is-saċerdoti jistgħu jqattgħu l-ħin liberu flimkien. Ftehim li sar bejn l-Arċidjoċesi ta’ Malta u l-Fakultà
tat-Teoloġija jgħid li d-dar titmexxa mill-Fakultà għal dan l-iskop pastorali u missjunarju għal perjodu ta’ 15-il sena. Preżenti għall-inawgurazzjoni ta’ din id-dar kien hemm uffiċjali mill-Ministeru tal-Edukazzjoni, letturi tal-Fakultà, l-istudenti residenti, flimkien ma’ benefatturi u kollaboraturi.