Aktar kmieni llum l-ogħla istituzzjoni fil-pajjiż laqgħet fi ħdanha numru mdaqqas ta’ studenti li jifformaw parti mill-kunċett ta’ EkoSkola biex jiġu diskussi diversi temi importanti għal pajjiżna flimkien mal-politiċi attwali.
Nadine Cassar u Kezia Micallef, President u Viċi-President tal-Kumitat tal-EkoSkola fi ħdan il-Kulleġġ San Tumas More, Skola Medja Ħal Tarxien, spjegawlna x’kienu l-erba’ temi prinċipali li ddiskutew l-istess studenti.
“Ittrattajna l-familja, inkluż id-drittijiet tat-tfal, u l-immigrazzjoni, l-aktar fejn għandhom x’jaqsmu l-gwerer u r-refuġjati.”
“Iż-żewġ temi l-oħrajn huma n-nuqqas tal-ispazji miftuħa li għandna f’pajjiżna u t-tniġġis li jinħoloq madwarna u li l-ħsarat tagħhom jikkawżaw ħafna mard, waqt li t-tfal ta’ daqsna qed ikollhom nuqqas fejn jiddevertu.”
It-temi ntagħżlu wara li saru żewġ surveys, li minnhom żviluppaw numru ta’ proposti li eventwalment ġew ippreżentati fil-Parlament.
Fost l-oħrajn, l-istudenti tkellmu dwar l-użu ta’ metodi alternattivi ta’ trasport, inizjattivi li jaraw aktar siġar jitħawlu fl-iskejjel u diversi proposti oħrajn marbuta mat-temi ttrattati.
Fil-ftuħ tas-seduta, l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, Dr Anġlu Farrugia, innota l-importanza li pajjiżna jkompli jħares lejn l-ambjent minn diversi aspetti. Paul Pace minn Nature Trust Malta, li hu wkoll kordinatur tal-EkoSkola, irringrazzja lill-Parlament b’mod kollettiv, għax, permezz ta’ seduta Parlamentari simili, qed jagħti widen lit-tfal u l-perspettivi ambjentali tagħhom.
F’intervent li għamel, il-Prim Ministru Robert Abela rringrazzja lill-istudenti għall-parteċipazzjoni tagħhom, waqt li enfasizza kif it-tfal u żgħażagħ huma parti mid-deċiżjonijiet tal-lum stess, mhux tal-futur biss.
Dr Abela nnota s-sodisfazzjon tiegħu għall-mod kif l-istudenti preżenti qed jittrattaw it-tema tal-ambjent u, f’dan ir-rigward, għamel referenza għal miżuri ta’ fejda li l-Gvern qiegħed jaħdem fuqhom.
Fost dawn il-Prim Ministru tkellem dwar il-ħolqien ta’ spazji ġodda fil-qalba tal-ibliet u l-irħula lokali, is-separazzjoni mandatorja tal-iskart u l-iskema tar-riċiklar imħaddma mill-BCRS li wkoll ħtieġet bidla fil-mentalità nazzjonali.
“Għamilna l-projbizzjoni tas-single-use plastics ukoll, l-ewwel bdejna bl-importazzjoni li waqqafniha u mbagħad ipprojbixxejna l-bejgħ tal-plastik li jintuża għal darba biss. U hemmhekk dejjem sibna l-appoġġ tagħkom biex inġibu din il-bidla fil-kultura u ta’ dan nixtieq nirringrazzjokom minn qalbi.”
Rigward l-enerġija rinovabbli, il-Prim Ministru saħaq dwar l-importanza li pajjiżna jimplimenta soluzzjonijiet innovattivi minħabba r-restrizzjonijiet li għandu pajjiżna fejn jidħol id-daqs tal-art.
Għall-ġejjieni l-Prim Ministru semma l-proġett tal-ECOHIVE li se jkun qed jikkonverti l-iskart f’sorsa ta’ enerġija.
Matul is-seduta tkellmu wkoll diversi deputati oħrajn.