“Nixtieq li l-aħħar ballu tal-Qamar t’Awwissu fil-presidenza tiegħi jkun wieħed kbir.”
Dan kien kliem il-President tar-Repubblika Maltija, George Vella, proprju fit-tnedija tal-ballu tal-Qamar t’Awwissu, li se jiġi organizzat fil-Palazz Verdala nhar is-Sibt ħamsa t’Awwissu.
Il-President Vella, spjega kif, minkejja li dan l-appuntament annwali fil-kalendarju presidenzjali, huwa mezz ta’ divertiment, iservi wkoll bħala kawża ġusta, hekk kif il-fondi li jinġabru fih imorru direttament b’risq il-Malta Community Chest Fund.
“Sfortunatament b’mod kontinwu hemm numru ta’ nies li, minħabba raġunijiet ta’ mard jew soċjali, jirrikorru għall-Community Chest Fund. Ma rridx noħlomha li jasal żmien li ngħidu m’hawnx flus. Fl-aħħar ballu tiegħi, nispera li jkun hawn ħafna nies, aktar milli qatt kellna s’issa.”
President ta’ Malta George Vella
Il-President żied jgħid li kull ma jmur, aktar nies qed jiġu bżonn din l-għajnuna, hekk kif jiżdiedu każi ta’ mard li jaffettwaw iżjed nies.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kumitat Organizzattiv tal-ballu, il-Markeżin Daniel de Petri Testaferrata, spjega kif dan l-avveniment, li saħansitra jattira persuni minn barra minn xtutna, se jkun ikkaratterizzat mill-melodiji tal-Forzi Armati ta’ Malta u l-Brass House Unit.
“Ta’ kull sena, ikollna grupp kbir ta’ nies li mhumiex Maltin, imma jħobbu jiġu hawn Malta biex igawdu s-sbuħija tal-Palazz Verdala, bl-inbejjed Maltin li nservu u bl-atmosfera li l-avveniment joħloq.”
Daniel De Petri Testaferrata
Ġie spjegat kif, għal din l-okkażjoni, se jkun faċilitat il-parkeġġ, filwaqt li sar ukoll arranġament speċjali mal-kumpanija Ecabs, li se toffri roħs fuq il-vjaġġi minn u lejn il-ballu.
Dawk li jixtiequ jiżdiedu mal-lista ta’ benefatturi jistgħu jagħmlu dan billi jikkuntattjaw lill-Malta Community Chest Fund stess fuq in-numru 22053500.
Il-biljetti għall-ballu jinsabu għall-bejgħ fuq is-sit uffiċjali augustmoonball.com.