Il-Gvern se jagħti appoġġ sħiħ lil dawk l-investituri li jifhmu li hi meħtieġa enfasi akbar fuq l-innovazzjoni u l-kwalità.
Għadda dan il-messaġġ il-Prim Ministru Robert Abela waqt intervista fuq ONE Radio, fejn kien qed jitkellem dwar kif din il-ġimgħa hu inawgura u se jkompli jinawgura investimenti ta’ kwalità.
Qal, “Dan se jkun Gvern illi se jappoġġja lill-investitur f’pajjiżna li jmexxi ’l quddiem il-proġetti tiegħu b’innovazzjoni u bi prinċipji ta’ kwalità u t-tieni messaġġ li bgħatt kien illi l-prattiċi li kienu jgħoddu għaxar snin ilu, ħames snin ilu, illum irid ikollna l-bidliet fihom. Ma jfissirx illi se naqilbu kollox ta’ taħt fuq, imma iridu jkunu bidliet li jkunu gradwali u li jirrealizzaw dawn il-prijoritajiet ġodda li għandu l-poplu tagħna.”
Il-Prim Ministru qal ukoll kif, fl-aħħar jiem, kien hemm l-assessjar pożittiv li għamlet il-Kummissjoni Ewropea fit-talba ta’ pajjiżna għall-emenda fil-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza, li ġej minn fondi Ewropej.
Qal, “U hemmhekk kellna bidliet li kienu meħtieġa wkoll minħabba l-fatt illi pajjiżna kien fost l-aktar li rnexxielu jirkupra wara l-pandemija. Għalhekk kienu meħtieġa li jsiru l-bidliet, imma t-tieni raġuni għala imxejna lejn bidliet kienet li ridna niffukaw l-prijoritajiet tagħna fuq enerġija rinovabbli.”
Hawnhekk hu semma kif dan se jwitti t-triq lejn investiment sostanzjali fir-rinovabbli, fosthom fi proġetti bħall-impjanti ta’ ħażna ta’ enerġija rinovabbli fil-Marsa u f’Delimara.
Dwar l-enerġija rinnovabbli, il-Prim Ministru tkellem dwar il-ftehim mal-Libja għal interconnector ieħor u anke li t-tieni interconnector ma’ Ragusa fi Sqallija se jkun lest sa tliet snin oħra.
Il-Prim Minisru temm b’messaġġ ċar dwar kif l-investiment f’pajjiżna se jkompli jġib aktar investiment.
Qal, “Imbagħad għalhekk illi, bħala Gvern, irridu nibqgħu ninvestu f’pajjiżna, ninvestu l-aktar f’dawk l-investimenti li huma sostenibbli u li jinkorporaw fihom il-viżjoni li għandna għat-tmexxija ’l quddiem għal dan il-pajjiż, opportunitajiet oħra, pajjiż isbaħ u pajjiż dejjem aktar modern.”