Il-Kummissarju Għoli tar-Repubblika tal-Malawi, Thomas John Bisika, ippreżenta l-ittri ta’ kredenzjali tiegħu lill-President George Vella fil-Palazz tal-Gran Mastru, il-Belt Valletta.
Fl-introduzzjoni tal-iskambji, il-President Vella spjega li, minkejja d-distanzi ġeografiċi u r-realtajiet differenti, Malta tinsab ħerqana li ssaħħaħ il-kooperazzjoni mal-Malawi għall-benefiċċju taż-żewġ pajjiżi. Minbarra l-qasam bilaterali, jistgħu jsiru wkoll aktar skambji fil-livell multilaterali, billi l-Malawi u Malta jagħmlu parti minn ħafna mill-istess organizzazzjonijiet internazzjonali, b’mod partikolari n-Nazzjonijiet Magħquda u l-Commonwealth. Dwar dan l-aħħar punt, il-President Vella fakkar laqgħa interessanti ħafna tal-Commonwealth, li kien attenda f’Marlborough House f’Londra, dwar iż-żgħażagħ u l-ambjent li hija ta’ interess kemm għall-Malawi kif ukoll għal Malta.
Min-naħa tiegħu, il-Kummissarju Għoli ta ħarsa ġenerali lejn il-pjanijiet tiegħu għas-snin li ġejjin u identifika s-setturi tat-turiżmu, id-diġitalizzazzjoni u l-iżvilupp infrastrutturali bħala oqsma ta’ kooperazzjoni possibbli ma’ Malta. Il-Kummissarju Għoli Bisika rrefera wkoll għad-diversi riformi li għaddejjin fil-pajjiż, li ntlaqtu ħafna mill-Covid-19 u sensiela ta’ diżastri naturali devastanti li ħasdu bosta ħajjiet.
L-iskambji indirizzaw ukoll kwistjonijiet ta’ tħassib globali, fejn issemmew b’mod speċifiku l-provvista tal-enerġija u tal-ilma.