Dan huwa Gvern li se jibqa’ jappoġġja l-inizjattivi sostenibbli, innovvattivi u ta’ kwalità tal-kumpaniji li jagħżlu li jinvestu f’pajjiżna.
Dan kien il-messaġġ tal-Prim Ministru Robert Abela, waqt l-inawgurazzjoni tal-uffċini ġodda tal-kumpanija Polidano Group f’Ħal Farruġ. Il-kumpanija investiet mat-tliet miljuni u ħames mitt elf ewro (€3.5 miljun) fi proġett li huwa mgħammar b’pannelli tax-xemx u karatteristiċi ekoloġiċi oħrajn.
Fil-preżenza tal-familja Polidano u anke ta’ għexieren ta’ ħaddiema tal-kumpanija, il-Prim Ministru kien ċar ukoll meta tkellem dwar kif kull investiment għandu jikkunsidra l-protezzjoni ambjentali.
Fil-fatt, huwa nnota li fl-aħħar snin il-kumpanija Polidano investiet 25 miljun ewro għall-imodernizzar tal-apparat mekkaniku u fl-istess ħin investiet f’makkinjarji li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent. Il-kumpanija għamlet ukoll investiment sabiex tikkonsma ferm anqas enerġija, anke permezz ta’ investiment fil-pannelli solari.
Dr Abela saħaq ukoll li l-Gvern qed isaħħaħ ukoll il-qafas regolatorju biex jassigura standards ogħla.
Meta tkellem dwar l-innovazzjoni u t-teknoloġija, il-Prim Ministru qal li dawn iż-żewġ elementi għandhom ikunu għodda kruċjali biex dak kollu li jsir jirrispetta liċ-ċittadin.
Dr Abela għamel referenza għall-bosta inċentivi u skemi, fosthom tal-Malta Enterprise, sabiex kumpaniji jagħmlu l-pass ’il quddiem u jaqilbu l-makkinarji tagħhom għal wieħed li jirrispetta l-ambjent.
Quddiem dan kollu huwa appella lill-investituri sabiex, f’dak kollu li jagħmlu, jaraw x’Malta jixtiequ jħallu lill-ġenerazzjonijiet futuri.