Il-kontinġent Malti tal-Olimpjadi Speċjali wasal lura pajjiżna wara ġimgħatejn intensivi ta’ kompetizzjonjiet fil-kapitali Ġermaniża, Berlin. Bid-dedikazzjoni tal-atleti, pajjiżna kiseb b’kollox 32 midalja: 16 tad-deheb, 11 tal-fidda, u 5 tal-bronż.
Il-President tal-Olimpjadi Speċjali ta’ Malta, Dr Lydia Abela, flimkien mal-qraba tal-atleti, laqgħet lill-atleti fis-sala tal-wasliet fl-ajruport, f’atmosfera mimlija emozzjonijiet u ċelebrazzjoni.
Dr Abela saħqet fuq kemm hija kburija u sodisfatta bir-riżultati li l-atleti Maltin kisbu f’Berlin u rrimarkat li l-atleti kollha taw taw sehem tajjeb ħafna.
“Jiena nixtieq nirringrazzja lid-delegazzjoni kollha Maltija, b’mod partikolari lil Anna Calleja u Christabelle D’Amato, tax-xogħol li wettqu fi ħdan l-iSpecial Olympics, b’mod partikolari lill-atleti kollha li pparteċipaw u taw prestazzjoni mill-isbaħ.”
Dr Lydia Abela
Min-naħa tagħha, il-Kap tad-delegazzjoni Maltija għall-Olimpijadi Speċjali, Anna Calleja, qalet li t-taħriġ kontinwu u d-determinazzjoni wasslu biex l-atleti ħarġu l-kapaċitajiet tagħhom.
“Kienu preparati, kellhom taħriġ intensiv, ilna nippreparaw b’saħħitna għal dawn l-aħħar sentejn. Konna nafu fejn qegħdin u ridna nagħtuhom iktar, jiġifieri għamilna minn kollox.”
Anna Calleja
Rachel Chircop kisbet żewġ midalji tal-fidda u Luke Burke irnexxielu jikseb tliet midalji tad-deheb.
Huma qasmu magħna l-esperjenzi tagħhom waqt li kienu f’Berlin u l-emozzjonijiet li ħassew hekk kif waslu lura pajjiżna bi tbissima fuq fommhom.
“Kienet esperjenza vera sabiħa u veru kburija li rnexxieli nirbaħ midalja għal Malta.”
Rachel Chircop
“Ninsab kuntent ħafna li ġibt tliet midlaji tad-deheb għal pajjiżi. Nixtieq nirringrazzja lill-Ispecial Olympics Malta, Anna Calleja, u l-Isports Director Christabel. Nixtieq nirringrazzja lill-familja tas-support kollu li tawni.”
Luke Burke