L-aġenzija nazzjonali Heritage Malta nediet żewġ programmi ta’ attivitajiet diversi li se jsiru sal-aħħar tas-sena u li se jkunu mmirati lejn firxa li tkopri mit-tfal ta’ ħames snin sa adoloxxenti sa 16-il sena.
Fil-fatt, l-aġenzija nediet il-programm għas-sajf li se jkun fih mas-sittax-il attività, li se jsiru bejn l-10 ta’ Lulju u l-15 ta’ Settembru. Varat ukoll programm ieħor li se jara madwar ħamsin attività oħra bejn Lulju u l-aħħar tas-sena.
Vanessa Ciantar, li hija l-assistent maniġer fi ħdan Heritage Malta responsabbli mill-edukazzjoni u l-attivitajiet tematiċi, tat togħma żgħira ta’ wħud mill-attivitajiet li se jsiru fis-siti tal-aġenzija fil-ġimgħat li ġejjin.
“Għandna attività ħelwa minnhom li se tkun fil-Katakombi ta’ San Pawl, fejn se naqbdu skeletru tal-plastik ta’ annimal u skeletru tal-plastik tal-bniedem u se nqabbluhom. X’inhi d-differenza bejn l-umani u l-annimali? Se mmorru wkoll, darba minnhom, Għar Dalam filgħaxija, fejn bl-għajnuna tal-kuratur anzjan tal-istorja naturali aħna se nfittxu u se naraw l-annimali li jgħixu billejl f’dan l-għar.”
Vanessa Ciantar qalet ukoll li l-attivitajiet se jkunu offruti kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż, iżda se jkun hemm il-faċilità ta’ traduzzjoni għal lingwi oħra.
Din l-inizjattiva qed issir permezz ta’ ħidma flimkien bejn il-Ministeri responsabbli mill-Kultura u l-Edukazzjoni.
Il-Ministru responsabbli mill-Kultura, Owen Bonnici, tkellem dwar l-importanza tal-passaport għat-tfal biex jidħlu b’xejn fis-siti ta’ Heritage Malta.
“B’dan il-passaport għat-tfal jidħlu b’xejn fis-siti kollha ta’ Heritage Malta, mhux biss it-tfal imma anki żewġ adulti illi jakkumpanjawhom, u aħna ħloqna wkoll programm ta’ avvenimenti biex min jiġi u jidħol b’xejn f’dawn is-siti jkollu wkoll avvenimenti sbieħ li jsiru apposta biex jakkumpanjawhom f’dan ix-xhur tas-sajf.”
Il-Ministru responsabbli mill-Edukazzjoni, Clifton Grima, saħaq fuq l-importanza li t-tfal tingħatalhom l-opportunità li jiksbu edukazzjoni ħolistika.
“U allura, dawn l-għexieren ta’ inizjattivi, b’dan il-programm varjat u mimli, proprju anki fix-xhur tas-sajf, jagħti possibiltà lill-familji tagħna sabiex jgħinu lit-tfal tagħhom jagħrfu japprezzaw aktar dak li huwa l-wirt storiku tagħna.”
Għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm preżenti wkoll għadd ta’ studenti mill-Iskola primarja tal-Birgu, li ħadu sehem f’attività tipika ta’ dak li se joffru l-programmi mħabbra.
Min hu interessat huwa mħeġġeġ biex jikseb aktar informazzjoni minn fuq is-sit elettroniku ta’ Heritage Malta: https://issuu.com/heritagemt/docs/hm_events_calendar_july-december_