It-team nazzjonali malti tal-waterpolo tal-irġiel ikkwalifika għall-Kampjonat Ewropew meta fil-Pixxina Nazzjonali Tal-Qroqq il-Ħadd filgħodu għeleb lill-Bulgarija bl-iskor ta’ 22-4 fl-aħħar logħba tiegħu mill-kwalifikazzjoni. Għat-team malti din kienet il-ħames darba li kkwalifika għall-fażi finali ta’ dan il-kampjonat.
Il-plejers maltin qamu għall-okkażjoni wara t-telfa tal-bieraħ kontra l-Ġermanja u kkwalifikaw hekk kif spiċċaw fost l-aqwa mit-timjiet li temmew fit-tieni post tal-gruppi rispettivi.
Kif jixhed ir-riżultat dik kontra l-Bulgarija kienet logħba bla storja. Il-maltin rebħu s-sessjonijiet kollha rispettivament: 4-0, 9-1, 3-0 u 6-3.
L-aqwa skorer għat-team malti kien Nikolai Żammit b’sitt goals. Segwew Jake Muscat b’erba’ goals, Jake Bonavia u Jaden Cutajar bi tliet goals u Liam Galea b’żewġ goals. James Gambin, Ben Plumpton, Alec Fenech u Nicholas Bugelli skurjaw goal kull wieħed.
Il-fażi finali tal-Kampjonat tal-Ewropa se ssir f’Iżrael f’Jannar 2024.