L-elezzjoni tal-eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista mhux biss kienet ikkaratterizzata minn nuqqas ta’ interess, iżda kien hemm block vote ċar biex nies li m’humiex tal-establishment kemm jista’ jkun jibqgħu barra. Jirriżulta li dan l-attentat irnexxa, għax primarjament dawk li huma qrib l-eks Kap Adrian Delia spiċċaw baqgħu barra mil eżekuttiv.
Fost dawn hemm ċerti Alan Said, Elizabeth Said Curmi, u Mary Cachia, li lkoll kienu qed jimbottawhom nies qrib l-eks Kap – xi ħaġa li ma saritx b’suċċess.
Fil-fatt, hemm rabja kbira għal dan il-fatt f’numru ta’ kumitati sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista hekk kif qed jibqa’ jintbagħat sinjal li, jiġri x’jiġri, il-feriti ma’ ta’ Delia ma jistgħu jingħalqu qatt. Tal-establishment lil Delia ma jridux iċedulu pulzier fl-istrutturi tal-PN, għax jibżgħu li jerġa’ jieħu ċerta saħħa.
Fost dawk li huma l-iktar imbottati minn din il-fazzjoni tal-Partit Nazzjonalista hemm Francis Zammit Dimech u Michael Fenech Adami, li t-tnejn reġgħu sabu posthom fl-eżekuttiv. L-istess Michael Piccinino u Michela Dalli, li hija wkoll l-assistenta ta’ mart il-Kap tal-Oppożizzjoni.
Għal din l-elezzjoni l-Partit Nazzjonalista organizza wkoll il-votazzjoni bikrija, iżda l-parteċipazzjoni ma kinitx waħda kbira. Sorsi fid-Dar Ċentrali qalu li l-block vote kien waħda mir-raġunijiet għaliex kien hemm min għażel li jipprotesta billi ma jivvotax.
Terz tal-Kunsillieri fil-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista ma vvutawx fl-elezzjoni tal-Eżekuttiv tal-partit.
Fil-fatt, kienu biss 68 fil-mija tal-membri f’organu daqstant importanti fil-Partit Nazzjonalista li vvutaw għall-Kumitat Eżekuttiv.
Barra minn hekk, saru biss nofs l-elezzjonijiet għall-Eżekuttiv tal-Partit, filwaqt li n-nofs l-ieħor ma sarux għax ma nstabux biżżejjed kandidati biex joħorġu għal dawk li jirrappreżentaw liż-żgħażagħ u lill-Għawdxin.