Jinsab fi stadju avvanzat ix-xogħol fuq il-bini mill-ġdid ta’ Triq San Ġakbu, li hija t-triq ewlenija f’Ta’ Qali u li kienet tinsab fi stat diżastruż.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ippjanar u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Stefan Zrinzo Azzopardi, waqt li kien qiegħed iżur il-lant tax-xogħol.
Ix-xogħlijiet f’Ta’ Qali, li qed isiru mid-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi, jikkonsistu f’servizzi ġodda tal-ilma taħt l-art, drenaġġ, elettriku, u preparamenti għall-internet u telefonija – li qabel ma kien hemm xejn minnhom.
Bħala parti minn dan ix-xogħol, fit-toroq se jitpoġġew dwal LED, biex iż-żona ma tibqax mingħajr dawl. Se tittejjeb ukoll is-sigurtà.
Xi ħaġa ġdida li saret bħala parti minn dan il-proġett hija l-immaniġġjar tal-ilma tax-xita, li qabel ma kinitx teżiti. L-għan huwa li ma jibqgħux jiffurmaw għadajjar kbar.
Saru wkoll bankini ġodda u anki l-bażi bi tħejjija għat-trakka tal-jogging – li se jservi biex madwar Ta’ Qali jkun hemm l-ewwel jogging u cycle track bħala parti mill-pjan ta’ dan l-akbar riġenerazzjoni ta’ spazju aħdar f’pajjiżna.
Apparti minn hekk, sar ukoll wiċċ ġdid bit-tarmak għal din it-triq ewlenija f’Ta’ Qali.