Il-ġurnata tas-sibt kienet oħra pożittiva għal Team Malta waqt l-iSpecial Olympics World Games li qed isiru f’Bewrlin il-Ġermanja. Seba’ midalji ġew mirbuħa mill-maltin, li erba’ minnhom kienu tad-deheb!
Midalja tad-deheb fir-Relay tal-Atletika 4X100m permezz tal-atleti Jake Gatt, Naomi Axisa, Matthew Bugeja u Annemarie Bugeja. Huma daħlu l-ewwel f’ħin ta’ 1 minuta 1.41sekondi.
Deheb ukoll fil-Bocce Unified Doubles permezz tal-koppja Marvic Psaila u Nevice Grech meta fil-finali għelbu liċ-Ċina.
Żewġ midalji tad-deheb oħra waslu mill-Bowling Individwali tal-Irġiel. Hawnhekk l-atleti maltin kienu Philip Gruppetta u Luke Burke li kellhom total ta’ 629 u 560 rispettivament.
Żewġ midalji tal-fidda waslu mill-Atletika. Ann Marie Buġeja daħlet it-tieni fil-100m sprint b’ħin ta’ 16.62 sekondi. Min-naħa tiegħu Matthew Buġeja rebaħ il-fidda fil-100m irġiel b’ħin ta’ 12.96 sekondi.
U fiċ-ċikliżmu Malta rebħet midalja tal-bronż fil-5K Time Trial hekk kif Carmelo Pace daħal it-tielet f’ħin ta’ 6 minuti 44.77 sekondi.