Għaddejjin l-aħħar preparamenti qabel ma ssir il-preżentazzjoni uffiċjali tal-artisti u tal-programm tal-avveniment Europride, li se jsir nhar it-Tnejn.
Il-EuroPride hija l-akbar avveniment Ewropew ta’ persuni LGBTIQ+, li ta’ kull sena jattira eluf ta’ turisti minn madwar id-dinja lejn il-belt li tkun intgħażlet biex tospitaha.
Dan l-avveniment se jsir bejn is-7 u s-17 ta’ Settembru, bit-tema “Equality from the Heart”. Il-Europride jattira eluf ta’ nies biex jiċċelebraw il-komunita LGBTIQ+, filwaqt li jippromwovi l-messaġġ b’saħħtu favur l-ugwaljanza.
Dwar l-aħħar preparamenti għal dan l-avveniment, tkellimna ma Toni Attard, id-Direttur Artistiku tal-Europride 2023, li elenka attivitajiet ewlenin li se jiġu organizzati. Dawn se jinkludi wirja tal-arti, żfin, u sfilati tal-moda.
Toni Attard spjega li, f’pajjiżna, fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin, se jkun hawn diversi proġetti, foshtom ċirklu u anke żfin.
Qal, “Hemm madwar 300 artist involut f’din il-festa u esebizzjoni ta’ diversità, iżda li tqanqal ukoll konverżazzjoni. Dik hija importanti hafna għax din mhux biss li xxejjer il-bandiera, imma wkoll xi tfisser.”
Toni Attard tkellem ukoll fuq il-fatt li dan l-avveniment qed jiġi rriklamat fuq diversi siti internazzjonali, fosthom fuq in-New York Times.
Qal, “L-interess li hawn għal din l-attività kien interess genwin li xi kultant din il-gżira f’nofs il-Mediterran, li fl-Amerika jarawha forsi b’lenti konservattiva, illum qed issir belt Ewropea għall-EuroPride, għal din is-sena.”