L-istqarrija maħruġa mill-Oppożizzjoni rigward il-proposti tal-Gvern għal tisħiħ fil-qafas leġiżlattiv dwar saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol hija nieqsa minn suġġerimenti validi, u fiha punti li huma wkoll fattwalment skorretti.
Min-naħa l-oħra, il-Gvern għażel li jagħmel fażi ta’ konsultazzjoni pubblika dwar White Paper biex it-tibdil li finalment isir, ikun wieħed strutturat.
Dan intqal fi stqarrija mill-Ministeru għall-Ippjanar fejn intqal li l-Oppożizzjoni ma ndunatx li l-Ministeru nieda żewġ konsultazzjonijiet: waħda dwar is-saħħa u s-sigurtà f’siti ta’ kostruzzjoni u ieħor dwar is-saħħa u s-sigurtà f’kull post tax-xogħol.
F’din l-istqarrija ntqal li waħda mis-suġġerimenti prinċipali li saru mill-Oppożizzjoni hemm dak ibbażat fuq mudell li ilu jiġi skartat, b’mod partikolari mill-Unjoni Ewropea, li jesiġi li kull inizjattiva trid tibda u tispiċċa b’intervent tal-Gvern.
Intqal li dan hu mudell skadut minħabba l-mod qawwi kif kibru l-industrija u l-ekonomija tul l-aħħar snin.
Il-viżjoni tal-Gvern, min-naħa l-oħra, hija li kull min għandu xi obbligu legali f’kull post tax-xogħol ikun responsabbli ta’ għemilu, jiġifieri li kulħadd jaġixxi mal-liġi mingħajr ma joqgħod jistenna xi intervent min-naħa tal-awtoritajiet.
F’din l-istqarrija, il-Ministeru qal li l-Gvern huwa kommess li jinvolvi ruħu b’mod li jagħmel sens, b’konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati kollha.
Intqal li l-fażi li jmiss, issa huwa li l-Gvern flimkien mal-OHSA jevalwaw is-suġġerimenti kollha li ntbagħtu dwar din il-White Paper.
Meta jitħejja l-Abbozz ta’ Liġi, id-diskussjoni tkompli fil-Parlament bil-għan li naslu biex ikollna Liġi ġdida dwar is-settur, liġi li twassal għat-tisħiħ tal-ħidma fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà f’pajjiżna.