Sit li ma kienx jintuża fiż-żona Ta’ Ġawhar f’Ħal Safi nbidel f’żona għall-picnics u park tal-klieb, permezz ta’ investiment ieħor fil-komunità.
Dan ix-xogħol sar b’ħidma konġunta bejn Project Green u Ambjent Malta flimkien mal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Safi.
Dan ġie inawgurat mill-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli, is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said, il-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green Steve Ellul, is-Sindku ta’ Ħal Safi Johan Mula u rappreżentanti tal-Kunsill Lokali.
Fi spazju ta’ madwar 1,000 metru kwadru, it-tagħmir ġdid f’dan il-park, fosthom il-bankijiet u l-imwejjed tal-picnics, huma magħmulin minn materjal sostenibbli, filwaqt li d-dawl u l-kameras tas-sigurtà jieħdu l-enerġija mix-xemx permezz ta’ pannelli solari.
30 siġra indiġena ġdida u 40 arbuxell li tħawlu se jissaqqew bl-ilma tax-xita maħżun f’ġibjun ġdid li Project Green bniet bħala parti minn dan l-investiment. Inbena wkoll ħitan tas-sejjieħ u ċnut ġodda, biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-viżitaturi.
Il-Ministru Dalli spjegat li dan is-sit, li kien mitluq u mtela b’kull tip ta’ skart mormi illegalment, issa huwa spazju miftuħ ieħor għar-residenti tal-inħawi.
“Nieħu gost nara li b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Safi rnexxilna nibdlu din iż-żona li sa ftit taż-żmien ilu kienet żona mitluqa, li fiha sfortunatament kien hawn min jiġi u jarmi skart illegali għall-area li tista’ titgawda mill-pubbliku permezz ta’ picnic area u anki dog park fl-inħawi ta’ Ħal Safi.”
Is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said qalet li permezz ta’ dan il-proġett qed naraw spazju ta’ elf metru kwadru fejn nistgħu nieħdu l-klieb tagħna. Qalet ukoll li dan il-park se jibqa’ miftuħ matul il-ġurnata kollha.
“F’Malta huma eluf il-familji li għandhom kelb jew qattus id-dar, allura bħala Gvern ħassejna ħtieġa li nagħmlu diversi dog parks madwar il-pajjiż. Illum qed inniedu wieħed f’Ħal Safi li se jkun miftuħ 24/7 biex dak li jkun mit-Tnejn sal-Ħadd ikun jista’ jiġi hawn igawdi mal-familja u jkun jista’ jġib il-kelb miegħu.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Proġett Green Steve Ellul qal li l-importanza tal-immaniġġjar u l-ħażna tal-ilma fil-parks tagħna huwa mod wieħed kif qed niffaċilitaw iż-żamma kontinwa tas-siġar u l-pjanti li qed inżidu f’dawn l-ispazji miftuħa, biex niżguraw li nkunu nistgħu nibqgħu ngawduhom għal ħafna snin.
Dan l-ispazju miftuħ f’Ħal Safi huwa t-tmien spazju miftuħ li tlesta f’dawn l-aħħar sitt xhur.