Il-ftehim ta’ koperazzjoni konġunta bejn Malta u l-Libja dwar interconnector bi provvista ta’ enerġija rinnovabbli, kien xprunat mill-viżjoni tal-Gvern Malti fil-qasam tal-enerġija.
L-għada li ġie maqbul dan il-ftehim waqt żjara fil-Libja, ONE News tkellem mal-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli u mal-Ministru għall-Intern Byron Camilleri, li akkumpanjaw lill-Prim Ministru fil-Libja.
Il-Ministru Miriam Dalli qalet li dan il-ftehim seħħ wara l-ftehim bejn disa’ Ministri tal-Enerġija tal-Unjoni Ewropea, li jinsabu fir-reġjun tal-Mediterran.
Qalet, “F’dawn l-aħħar xhur konna qed inżommu flimkien mal-counterparts tagħna fil-Libja biex nistudjaw il-possibilità li jkun hemm interkonnessjoni li tgħaqqas lill-Libja ma’ Malta, fejn jitwassal lejn enerġija nadifa propju f’pajjiżna bil-possibilità eventwali li nifirxu aktar minn hekk.”
Il-Ministru Dalli qalet li l-pass li jmiss huwa li tibqa’ għaddejja l-ħidma biex isiru aktar studji dettaljati dwar il-possibilitajiet li jeżistu għal dan l-interconnector.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Byron Camilleri qal li din iż-żjara tkompli turi r-relazzjonijiet b’saħħithom li hemm bejn iż-żewġ pajjiżi ġirien.
Sostna li f’dawn l-aħħar tliet snin saret ħidma konġunta mal-Libja fis-settur tal-migrazzjoni.
Qal, “Kienet ħidma konġunta magħhom li ħalliet il-frott, primarjament għal pajjiżna, fejn għażilna li niġġieldu lit-traffikanti tal-bnedmin. Għażilna li niġġieldu lil dawk li bla skrupli jpoġġu lil dawn in-nies fil-baħar, li finalment waslet biex inqas persuni u hemm numru konsiderevoli ta’ inqas persuni waslu Malta b’mod irregolari u fl-aħħar mill-aħħar tkun qed issalva l-ħajjiet.”
Din il-laqgħa fil-Libja ssegwi l-laqgħa tal-Prim Ministru Robert Abela mal-Prim Ministru tal-Italja, Giorgia Meloni, li wkoll tkellmu dwar l-enerġija u s-sigurtà, fosthom fuq il-migrazzjoni.