Hu kkalkulat li, is-sena li għaddiet, pajjiżna kkonsma mal-ħamsin miljun litru ta’ ilma, b’medja ta’ 20 miljun minnhom għall-użu fir-residenzi, filwaqt li l-bqija marruu għal skopijiet ekonomiċi u industrijali.
Fl-aħħar jiem ingħatajna l-opportunità li nżuru l-akkwifikaturi f’Ta’ Bakkja f’Ħaż Żebbuġ, iżda mhux qabel ingħatajna lezzjoni minn Silvio Debono, li hu l-Operational Manager tas-sit, dwar il-miżuri neċessarji tas-saħħa u s-sigurtà tal-post, u l-użu ta’ lbies protettiv.
Qal, “Il-klorin jingħalaq biex aħna nevitaw li jkollna gas chlorine hawn isfel plus hekk inniżżlu żewġ monitors magħna, l-isfar huwa tal-ossiġnu biex inkunu nafu hawnx ossiġnu tajjeb u anke xi tip ta’ gases.”
Hu spjegalna kif dawn l-akkwifikaturi, li jinsabu mat-30 sular taħt l-art, huma uniċi fl-Ewropa u nħolqu fil-ħamsinijiet, kemm bl-użu ta’ splussivi u tħaffir bl-idejn. Is-sit hu konness b’kollox ma’ sitt mini.
Qal, “Fihom bejn 450-500 metres kull waħda b’eċċezzjoni ta’ waħda li hija Ta’ Kandja li minn hawn fiha tliet kilometri u tinfed mal-pumping station Ta’ Kandja”
Debono kompla jispjegalna kif l-ilma jinġabar mill-akkwifikaturi fejn imbagħad jiġi trasportat lejn il-ġibjun f’Ta’ Qali. Hu fakkar li hu kruċjali li tiġi mmoniterjata l-kwalità tal-ilma li tittella’, inkluż b’testjiet fil-laboratorji, biex il-konsumatur jirċievi ilma ta’ kwalità għolja u sigura.
Huwa qal li l-Korporazzjoni Għas-Servizzi tal-Ilma qed tagħmel investiment kbir fl-impjanti tar-Reverse Osmosis biex ikunu aktar effiċjenti.
Fakkar fl-investiment fl-impjant tal-Ħondoq f’Għawdex li issa qed jissuplixxi l-ilma lill-gżira stess, filwaqt li jkollu l-kapaċità li wkoll jipprovdi ilma għal partijiet ta’ Malta. B’hekk Għawdex ma baqax jiddependi fuq l-impjant taċ-Ċirkwewwa.
Huwa temm jgħid fuq il-pjani li qed isiru biex Malta jkollha kwalità dejjem aħjar tal-ilma tal-pjan.
Qal, “Aħna qegħdin nifirxu iżjed bħala Groundwater ma’ Malta biex innaqqsu l-abstruction minn kull sors ħalli kemm jista’ jkun l-ilma tal-Groundwater inżommuh fi stat tajjeb.”
Finalment mitlub jikkummenta dwar il-post partikolari tax-xogħol tiegħu, l-Operational Manager f’Ta’ Bakkja qalilna li dan jimmeravilja lil kull min ikollu l-opportunità li jinżel fih.
Qal, “Uniku ġo Malta plus hekk ġo l-Ewropa ukoll, dawn il-galleries qegħdin kif inhuma u ġieli ġew nies barranin u jibqgħu tal-meravilja għax x’ħin tarahom imħaffrin dritti dritti hawn isfel ġo l-ilma tgħid dawn kif għamluhom.”