Bħalissa l-bastiment Ocean Sentinel, jinsab fl-ibħra Maltin.
Ipprovdut mill-Unjoni Ewropea, dan il-bastiment, qed jipprovdi moniteraġġ lis-sajjieda filwaqt li jispezzjona d-dgħajjes kollha fil-Mediterran. Dan iwassal għal aktar sigurezza u serħan il-moħħ għas-sajjieda.
Permezz ta’ bastimenti bħal dawn, instabu sajjieda barranin jistadu mingħajr permess fiż-żona ta’ pajjiżna.
Fi żjara li saret abbord il-bastiment, il-Ministru responsabbli mis-settur tas-sajd f’pajjiżna, Anton Refalo rrimarka li baħar iktar sigur għas-sajjieda Maltin jirriżulta f’aċċessibbiltà ikbar għal ħut frisk u prezzijiet orħos għall-konsumaturi.
Qal, “Malta kienet waħda mill-ewwel pajjiżi li insistejna, li jkun hemm dawn il-patrols. Dawn il-patrols huma importanti, għas-sajjieda Għawdxin u Maltin, speċjalment meta dawn ikunu qegħdin jistadu fl-ibħra internazzjonali.”
Waqt iż-żjara, is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said saħqet dwar is-sigurtà tas-sajjieda lokali u s-sigurtà tal-ikel, li huma parti importanti mill-viżjoni li għandu l-Gvern biex pajjiżna joffri aktar sigurtà u sostenibbiltà fil-ġejjieni.
Qalet, “Sodisfatta minħabba l-fatt, li bħala pajjiż ilna nitolbu, li jkun hemm moniteraġġ, speċjalment fl-istaġun tal-lampuki, fejn nafu li jkun hemm diversi problemi ħabba ċ-ċimi tal-lampuki. Minn hawn, nixtieq nirringrazzja lid-Dipartiment tas-Sajd għall-ħidma tiegħuf’dan ir-rigward, u nixtieq nawgura s-sajda t-tajba lis-sajjieda kollha.”