Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri rrappreżenta lill-Gvern Malti fis-‘Summit for a New Global Financing Pact’, summit storiku li tratta s-solidarjetà internazzjonali u li sar bejn it-22 u t-23 ta’ Ġunju, f’Palais Brongniart, f’Pariġi.
Waqt dan is-summit, aktar minn 100 mexxej minn madwar id-dinja ngħaqdu f’Pariġi fi żmien ta’ sfidi storiċi globali li jinkludu l-faqar, l-inugwaljanza, konflitti u kriżijiet bħat-tibdil fil-klima, telfien ta’ bijodiversità u pandemiji.
Dan bil-għan li jintlaħaq qbil dwar il-bżonn li jiġu indirizzati dawn l-isfidi u tiġi ffirmata dikjarazzjoni dwar viżjoni komuni għall-Multilateral Development Banks (MDBs), ibbażata fuq l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) u li tirrifletti l-Ftehim ta’ Pariġi għall-Klima.
Malta, flimkien ma’ għadd ta’ pajjiżi oħra, ffirmat id-dikjarazzjoni sabiex tappoġġja l-ħtieġa ta’ patt finanzjarju globali ġdid sabiex permezz ta’ koperazzjoni u solidarjetà jiġu indirizzati l-isfidi li d-dinja qed tiffaċċja kemm preżentement kif ukoll dawk futuri.
F’din id-dikjarazzjoni l-pajjiżi stqarrew li jemmnu li l-ġlieda kontra l-faqar, il-promozzjoni tal-prosperità kondiviża, u l-impenji biex jiġu indirizzati aħjar l-isfidi globali, iwasslu għal tisħiħ reċiproku.
Dan is-summit intemm b’għan ċar għal dinja fejn il-faqar jiġi eliminat u l-pjaneta ppreservata; fejn il-pajjiżi vulnerabbli jkunu mgħammra aħjar biex jiffaċċjaw il-kriżijiet mit-tibdil fil-klima u l-konflitti. Għalhekk għandha titħaddem strateġija fejn jiġu sfruttati s-sorsi kollha ta’ finanzi, inklużi l-assistenza uffiċjali għall-iżvilupp, ir-riżorsi domestiċi, u l-investiment privat.