L-attività kulturali “Connecting Through Culture” ser terġa ssir f’ Ta’ Xbiex nhar is-Sibt 24 ta’ Ġunju mis-7pm il-quddiem, u se ssir fil-promenade bejn il-klabb tal-waterpolo u r-Royal Malta Yacht Club.
Għalkemm din hija s-sebgħa edizzjoni ta’ din l-attività, is-Sindku ta’ Ta’ Xbiex Max Zammit stqarr magħna li din is-sena rat żieda fl-interess mill-ambaxxati u l-konsulati. Dan, qal is-sindku, jilkonferma l-popolarità tal-avveniment, li daħal sew fil-kalendarju tal-Maltin, tat-turisti u kif ukoll tal-barranin li jgħixu Malta.
Din hija attività li tgħaqqad nies minn nazzjonijiet differenti permezz tal-kultura, filwaqt li ttella’ spettaklu b’artisti lokali u internazzjonali, grazzi għall-involviment ta’ numru ikbar ta’ missjonijiet diplomatiċi, ambaxxati jew residenzi f’Ta’ Xbiex, kif ukoll oħrajn li jinsabu barra minn din il-lokalità. Il-pajjizi li kkonfermaw s’issa u li se jipparteċipaw u li magħhom mistennija jiżdiedu, huma; Greċja, Irlanda, Spanja, Ġermanja, Olanda, Turkija, Stati Uniti, Palestina, Indja, Brażil u Franza.
Bħas-snin ta’ qabel, kull ambaxxata parteċipanti, u naturalment il-Kunsill Lokali ta’ Ta ‘Xbiex, ser jippreżentaw il-kultura tal-pajjiż rispettiv tagħhom permezz ta’ mużika, patrimonju kulturali, zfin jew gastronomija. Se jkun hemm numru ta’ stands tal-artigjanat Malti, bosta bands, kantanti, żeffiena, mużiċisti u sorpriżi oħra.
Id-dħul huwa b’xejn u t-triq se tkun magħluqa biex titgawda aktar mill-pubbliku.