L-atleti maltin komplew jirbħu aktar midalji waqt l-iSpecial Olympics World Games li qed isiru f’Berlin il-Ġermanja.
Matul il-ġurnata tal-Ħamis intrebħu żewġ midalji fil-Golf. Deheb u fidda rispettivament minn Mark Serge u Rebecca Dalli.
Fil-Bocce, Nevice Grech rebħet il-midalja tal-bronż fil-Women’s Singles grazzi għal rebħa fuq l-atleta mis-Serbja 1-0, 2-0, 2-1, 3-1 & 4-1.
Suċċess ieħor għal Gareth Borġ li rebaħ it-tieni midalja tad-deheb personali, din id-darba fiċ-ċikliżmu Road Race ta’ 25K. Borġ kellu ħin ta’ 49 minuta 25 sekondi.
Suċċess ukoll mit-timijiet tal-Bowling bir-rebħ ta’ midalja tad-deheb u tnejn tal-fidda fil-Unified Doubles.
Daniel Grech & Luke Burke rebħu d-deheb filwaqt li t-tnejn tal-fidda waslu mill-koppji Peter Mallia & Rachel Chircop u Amanda Cini & Philip Gruppetta.
Midalja oħra għaċ-ċiklista Giuseppina Galea li rebħet il-fidda fil-1KM Time Trial. Galea kellha ħin ta’ 2 minuti 47.76 sekondi.
Ritratti: Matthias Brancaleone