PASS IEĦOR ’IL QUDDIEM FIR-RIFORMA TAL-UŻU TAL-KARAVANS U L-KAMPERS
Mill-bidu ta’ Lulju se jidħlu regolamenti ġodda dwar stazzjonar temporanju ta’ karavans u kampers bil-għan li jkun hemm bilanċ aħjar bejn it-tgawdija ta’ din l-attività u l-interess pubbliku.
Dan tħabbar waqt laqgħa mal-midja mill-Ministru responsabbli mill-Gvern Lokali, Owen Bonnici, mill-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, u mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli.
Huma qalu li dawn ir-regolamenti se jkunu qed jinħarġu skont ma jipprovdi l-Att dwar il-Gvern Lokali, wara konsultazzjoni u qbil ma’ diversi kunsilli lokali. Saru wkoll konsultazzjonijiet ma’ diversi nies li jagħmlu użu mill-karavans u l-kampers.
Dan l-avviż legali se jkun qed jinħareġ mal-Gazzetta tal-Gvern li se toħroġ il-Ġimgħa.
Wieħed irid japplika online u, jekk il-Kunsill jaċċetta, irid iħallas €5 għal kull ġurnata. Id-deċiżjoni finali se tkun dejjem tal-Kunsilli Lokali.
L-applikazzjoni se tkun qed issir b’mod elettroniku, bl-istess mod li jsiru l-bqija tal-applikazzjoni tal-permessi diversi li jsiru mal-kunsilli lokali. Dan billi wieħed jidħol fis-sit localpermits.gov.mt u jridu japplikaw sa mill-inqas 48 siegħa qabel.
Dawn ir-regolamenti l-ġodda se jkunu qed japplikaw għax-xhur ta’ bejn Ġunju u Settembru.
Dawn ir-regolamenti jipprovdu li m’għandu jkun hemm ebda bżonn ta’ permess u ebda ħlas biex wieħed jipparkja l-vettura f’post viċin id-dar residenzjali tiegħu sakemm it-tqegħid tal-vettura ma jkunx qed tiġi użat għal skop ta’ kampeġġ u sakemm dan hu permess bil-liġijiet ta’ qabel id-dħul fis-seħħ tal-istess Regolament.
Inqtal li dan se jkun l-ewwel pass u li l-pass ta’ wara se jkun li l-kunsilli lokali japplikaw għal dawk is-siti msejħa ‘designated sites’, li fihom jistgħu jitqiegħdu karavans jew kampers.
Fost l-ewwel postijiet li se jkun hemm f’din iż-żona hemm dawk f’Baħar iċ-Ċagħaq u l-Armier, fejn se jkollhom servizzi, fosthom dawk sanitarji.
F’dawn id-designated sites, meta jibdew jiffunzjonaw, se jkun hemm ħlas ta’ €10 għal kull jum ta’ parkeġġ sa massimu ta’ sebat ijiem.
Ġie spjegat li, min ma jimxix ma’ dawn ir-regolamenti, se jeħel multa ta’ mhux inqas minn €100 u mhux iktar minn €500, flimkien ma’ €50 għal kull jum li wieħed jibqa’ hemmhekk b’mod illegali.
Tkellimna mad-Direttur Ġenerali tal-Gvern Lokali, Natalino Attard.
Qal “Jiġifieri, għall-ewwel darba, qegħdin jiġu regolati u, permezz ta’ konsultazzjoni wiesgħa, se jkun qed jingħata widen kemm għall-karba tar-residenti kif ukoll għall-bżonnijiet tas-sidien tal-karavans, li ġew ukoll ikkonsultati biex ħarġu dawn ir-regolamenti.”
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jirrikorri għand il-kunsill lokali rispettiv jew iċempel fuq in-numru 20908600.
Ritratt: The Malta Independent