Id-deputat Laburista fil-Parlament Ewropew, Cyrus Engerer, saħaq li l-Aġenzija Ewropea għall-Ażil għandu jkollha iktar saħħa biex tara li dawk il-pajjiżi li wiegħdu li jirrilokaw immigranti mill-pajjiżi tal-fruntiera, bħal Malta, iżommu mal-wiegħdiet tagħhom fi żmien raġonevoli.
L-Aġenzija Ewropea tal-Ażil, li hija bbażata hawn Malta, qed tħaddem ’il fuq minn 500 persuna f’Malta. Engerer enfasizza li r-riżorsi tagħha jridu jiġu miżjuda mill-Kummissjoni Ewropea biex din tkun tista’ tlaħħaq mal-mandat usa’ li issa għandha.
Cyrus Engerer, li hu l-uniku Ewroparlamentari Malti fil-Kumitat LIBE, li jittratta kull kwistjoni relatata mal-immigrazzjoni, kien qed jitkellem fi tmiem ta’ żjara li għamlet lill-Aġenzija Ewropea għall-Ażil minn delegazzjoni tal-Parlament Ewropew magħmula minn tliet deputati.
Qal “Nemmen li din l-aġenzija għandha tieħu kontroll ta’ din is-sitwazzjoni u tara li dawn l-immigranti li jkunu se jiċċaqalċu minn pajjiżna jew mill-Italja jew mill-Greċja għal pajjiżi oħrajn tal-Unjoni Ewropea jagħmlu dan u jagħmlu fi żmien stipulat kif għandu jkun”
Huwa qal li solidarjetà mhux mandatorja diġà hi ħafna inqas minn dak li nistennew f’Unjoni Ewropea ta’ solidarjetà.
Engerer ikkonkluda li l-Patt tal-Migrazzjoni, li wara tmien snin imwaħħal fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea issa ntlaħaq qbil dwaru, hu ’l bogħod ħafna minn dak li Malta, il-Grupp tas-Soċjalisti fil-Parlament Ewropew, u l-Parlament Ewropew nniffsu jistennew.
Min-naħa tagħha, il-Membru Parlamentari Ewropea Franċiża Fabienne Keller, li kienet parti mid-delegazzzjoni tal-Parlament li żaret Malta, qalet li l-Aġenzija Ewropea għall-Ażil tikkollabora ma’ diversi istituzzjonijiet biex twettaq il-konverġenza filħidma tagħha.
Qalet “They work very intensively with different networks like judges, people working in court, in all the Members States, share analysis of individual situations to build this convergence.”