Alan Pulis ilu jgħallem l-Environmental Science u l-Kimika fl-iskola postsekondarja Giovanni Curmi Higher Secondary fin-Naxxar għal mill-inqas 30 sena. Huwa wkoll il-Kap tad-Dipartiment rispettiv tiegħu.
Tul dawn is-snin, għaddew minn taħt idu mijiet ta’ studenti, illum ilkoll b’karrieri differenti ta’ suċċess.
Iltqajna miegħu waqt Open Day fl-istess skola, fejn bosta studenti li għadhom kemm lestew l-eżamijiet tal-matrikola qed jagħrblu l-għażliet tagħhom ladarba jirċievu r-riżultati li tant stinkaw għalihom.
Pulis ma kellux ħlief kliem ta’ foħrija għal din l-iskola, li prattikament jiftakarha mill-bidu tagħha.
Qal, “Ili ngħallem f’din l-iskola tletin sena, miż-żmien meta l-Higher Secondary mxiet minn dawk li kienu l-premises tan-New Lyceum għal hawnhekk. Minn dak iż-żmien ’l hawn, l-iskola stabbilixxiet ruħha bħala waħda mill-major stakeholders fis-settur postsekondarju. Kien privileġġ għalija li nkun parti minn din l-istorja ta’ suċċess.”
Żorna wkoll id-diversi attivitajiet li organizzaw l-għalliema, sabiex iħajru lill-istudenti jagħżlu s-suġġetti rispettivi tagħhom. Barra minn hekk, dawn tkellmu wkoll mal-istudenti, sabiex jagħtuhom stampa ċara ta’ x’jinkludi is-suġġett.
Tkellimna wkoll mal-istudenta, Maria Emma Buhagiar, li b’daħka fuq fommha fissret kif il-programmi varji u l-opportunitajiet li tipprovdi din l-iskola, offrewlha esperjenza skolastika indimentikabbli.
Qalet, “L-esperjenza tiegħi kienet veru unika. Ilħaqt l-iskola waqt pandemija, u issa gawdejtha mhux ġo pandemija. Però, ħaġa waħda li nista’ ngħid hija li, tul id-diffikultajiet kollha, l-għalliema xorta baqgħu hemmhekk magħna, jgħinuna u jappoġġjawna sabiex nilħqu l-potenzjal tagħna. Allura, kienet esperjenza veru sabiħa.”
Kien dan l-istess sentiment li qasmet magħna l-Kap tal-Iskola, Anna Spiteri Meilak, li spjegat ukoll kif l-impenn tal-iskola huwa li jipprovdi esperjenza pożittiva ta’ tagħlim.
Hija appellat ukoll sabiex l-istudenti jagħmlu deċiżjonijiet infurmati.
Qalet, “Għażla infurmata, jiġifieri għażla li hi tajba għat-triq tagħhom, aħna hawnhekk qed noffru, fil-Giovanni Curmi Higher Secondary, li toffri korsijiet postsekondarji, fil-livell avvanzat, fil-livell intermedjarju. Aħna nikkunsidraw lilna nfusna bħala t-tarġa għall-Università ta’ Malta.”
Dawk kollha interessati li jattendu l-Higher Secondary għandhom jirrikorru għall-prospett ippubblikat mill-iskola, sabiex jaraw aktar dwar id-diversi programmi li toffri l-iskola, fosthom għall-studenti maturi u anke għall-studenti prospettivi tal-mediċina.
L-applikazzjonijiet jiftħu wara li jiġu ppublikati r-riżultati tal-eżamijiet tal-matrikola.