Il-Prim Ministru Robert Abela żar waħda mill-ikbar konferenzi internazzjonali fil-qasam tal-iGaming, li qed issir f’pajjiżna.
F’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, iGaming NEXT attirat lejn pajjiżna 4,000 delegat, 200 kelliem, u bosta parteċipanti minn aktar minn sebgħin pajjiż. Għal din l-okkażjoni, Dar il-Mediterran ospitat l-ikbar konferenza li qatt saret f’termini ta’ delegati u spazju użat.
Meta ltaqa’ ma’ dawk preżenti, Dr Abela nnota li t-tmexxija ta’ iGaming NEXT, li hija stabbilita f’Malta, kompliet issaħħaħ il-pożizzjoni tagħha bħala pjattaforma ewlenija f’dan il-qasam.
Intqal li avvenimenti bħal din il-konferenza jiċċelebraw l-ispirtu tal-viżjoni ekonomika tal-Gvern u huma xhieda tar-reputazzjoni pożittiva li għandu l-pajjiż f’dan is-settur partikolari.
“iGaming NEXT offers a platform for the industry to connect, to learn, to come together to thrive as an industry. In these 12 years, I have seen a big shift in Malta, from predominantly Scandinavians who were running the industry in Malta to actually more and more Maltese being involved in the industry and actually running the industry at top level position.”
Pierre Lindh – Direttur Maniġerjali ta’ iGaming Next
Dan is-settur, fl-aħħar tliet snin ra n-numru ta’ impjegati jiżdied b’34 fil-mija, minn aktar minn 11,700 fl-2019 għal aktar minn 15,700 sal-aħħar tas-sena 2022.
L-GĦADD TA’ ĦADDIEMA FIS-SETTUR TAL-IGAMING F’MALTA
2019: 11,747
2022: 15,774
+ 34%
Dan kollu wassal biex, fl-aħħar sentejn, żdied bi kważi 6 fil-mija l-valur gross miżjud minn dan is-settur filwaqt li pajjiżna ra wkoll żieda ta’ 50 kumpanija li joperaw b’mod attiv minn Malta f’dawn l-aħħar tliet snin. Il-fatt li dan kollu seħħ bi kriżijiet internazzjonali fl-isfond jixhed kemm pajjiżna huwa attraenti għal dan is-settur.
Appoġġjata mill-Fondazzjoni Gaming Malta, il-konferenza iGaming NEXT kompliet issaħħaħ il-pożizzjoni ta’ pajjiżna fil-qasam tal-gaming u rreġistrat riżultati ekonomiċi b’saħħithom fil-qasam tal-ospitalità u d-divertiment.
Waqt iż-żjara tiegħu, il-Prim Ministru kien akkumpanjat mill-Ministru responsabbli mill-Ekonomija, Silvio Schembri.