Se ssir kampanja nazzjonali bil-għan li jissewwew u jiġi ċċippjati bejn 4,000 u 5,000 qattus tat-triq.
Din l-inzjattiva se ssir mid-Direttorat tal- Ħarisen tal-Annimali b’investiment ta’ €200,000.
Il-pjan se jieħu inkonsiderazzjoni l-bżonnijiet speċifiċi tal-komunitajiet, u l-popolazzjoni ta’ qtates preżenti fiż-żoni differenti.
Il-qtates se jinġabru minn nies ta’ esperjenza.
L-intervent fuq il-qtates se jkun jinkludi wkoll kwalunkwe attenzjoni medika li l-qtates ikunu jeħtieġu, kemm qabel kif ukoll wara l-intervent tat-tiswija.
L-annimali se jiġu rrilaxxati fil-post minn fejn ikunu ttieħdu, dment li dan ma jkunx ta’ periklu għalihom.
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, ikkummenta li dak li tħabbar illum juri l-impenn ma jaqta’ xejn tal-Gvern li jibqa’ jinvesti fil-qasam tal-ħarsien tal-annimali. il-Gvern għal darb’oħra żamm kellmtu u qed iwettaq miżura oħra tal-Budget.
Intant, is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura, u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, irrimarkat li dan l-investiment se jwassal għall-ħidma iktar koordinata, b’viżjoni u strateġija komuni, bil-għan li jiġi assigurat li l-ħidma li qegħda ssir tilħaq għadd ikbar ta’ annimali.
Sabiex wieħed jagħmel użu minn dan is-servizz, jista’ jagħmel kuntatt mal-koordinatur permezz tan-numru 22924999 bejn is-7am u t-3pm, mit-Tnejn sal-Ġimgħa, jew permezz ta’ email fuq neutering.mafa@gov.mt.