Minn għada aktar minn 2,600 first-time buyer li xtraw il-proprjetà tagħhom mill-bidu tal-2022 ’l hawn se jibdew jirċievu l-għotja ta’ €10,000 mifruxa fuq 10 snin.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Akkomdazzjoni Soċjali u Affordabbli, Roderick Galdes, li qal li l-Gvern se jinvesti €26 miljun fuq din il-miżura f’dawn l-għaxar snin li ġejjin.
Il-Ministru Galdes fakkar li, fl-aħħar snin, il-Gvern kien impenjat li jibni aktar akkomodazzjoni soċjali għal dawk l-aktar vulnerabbli. Madankollu, għażel li jkun ta’ spalla għal dawk li ma kellhomx bżonn lill-Awtorità tad-Dar biex isiru sidien ta’ darhom iżda li xorta waħda jistħoqqilhom appoġġ biex isiru sidien ta’ darhom.
Il-Ministru qal li din il-miżura, li kienet parti mill-manifest elettorali tal-Partit Laburista ‘Malta Flimkien’, se tkun qed tagħti serħan il-moħħ lil dawk li xtraw l-ewwel proprjetà.