Is-sena l-oħra, l-industrija finanzjarja f’Malta kien waħda b’saħħitha, tant li kkontribwixxiet b’aktar minn €1.178 biljun fil-Valur Gross Miżjud fl-ekonomija Maltija – żieda ta’ 4.3 fil-mija fl-ekonomija, meta mqabbel ma’ sena qabel.
Dan ħareġ mir-rapport tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, l-MFSA, li jħares lejn ir-riżultati tas-sena l-oħra – sena ta’ reżiljenza kontinwa quddiem sfidi globali.
L-MFSA qalet li s-settur tas-servizzi finanzjarji ra żieda wkoll fl-impjiegi, hekk kif kien hemm żieda ta’ aktar minn 17,000 impjegat – tkabbir ta’ 26 fil-mija meta mqabbel ma’ sena qabel.
Dan ir-rapport jinnota li dan it-tkabbir huwa rifless fin-numru ta’ applikazzjonijiet li rċiviet l-Awtorità, fejn b’kollox irċiviet 355 applikazzjoni, li 24 fil-mija minnhom ġew irtirati jew irrifjutati.
F’dan ir-rapport ħareġ li l-MFSA introduċiet żewġ funzjonijiet ġodda; waħda ddedikata għas-sorveljanza tas-swieq kapitali u oħra għal trustees. Dan biex is-sena l-oħra kien hemm 44 azzjoni ta’ infurzar, li ammontaw għal pieni ta’ kważi €150,000.
It-titjib tal-ħiliet tan-nies baqa’ ta’ prijorità għall-Awtorità, bil-Financial Supervisors Academy provdiet aktar minn 21,000 siegħa ta’ taħriġ lit-tim, fosthom b’aktar minn 2,000 siegħa ta’ taħriġ speċifiku kontra l-ħasil ta’ flus.
Dan ir-rapport ħareġ fis-sena meta pajjiżna kien qed jirkupra mill-pandemija globali u sab ukoll sfidi internazzjonali bla preċedent bil-gwerra fl-Ukrajna. F’dik is-sena msemmija, pajjiżna ħareġ minn dik imsejħa l-lista l-griża tal-FATF fi żmien qasir.