A fresh start: Dan huwa l-messaġġ li bih tħabbret riforma fil-qasam tal-bennesseri tal-annimali. Ir-riforma l-ġdida se tgħin biex jissaħħu r-regolamentazzjoni u l-infurzar f’dan il-qasam, fost l-oħrajn.
F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mil-Ministru tal-Agrikoltura, is-Sajd, u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, u mis-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura, u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, tħabbru seba’ pilastri li fuqhom se ssir ħidma biex il-benessari tal-annimali tkompli tissaħħaħ.
Ir-riforma l-ġdida tinkludi, fost l-oħrajn, l-introduzzjoni ta’ sistema ċentrali biex tinkiseb u tiġi aċċessata l-informazzjoni kollha relatata mal-ħidma tad-Direttorat tal-Animal Welfare u t-tisħiħ tal-governanza fl-istess Direttorat. Dan se jassigura li d-Direttorat ikollu r-riżorsi umani u finanzjarji meħtieġa sabiex ikompli bil-ħidma tiegħu.
Id-dokument ta’ riforma ġie żviluppat wara konsultazzjoni wiesgħa li saret ma’ attivisti, ċittadini u anke uffiċjali minn ħdan id-Direttorat stess. Mill-konsultazzjonijiet, ħarġet l-istrateġija l-ġdida, li se tkun ibbażata fuq seba’ punti importanti:
SISTEMA ĊENTRALI BIEX TINKISEB U TIĠI AĊĊESSA L-INFORMAZZJONI KOLLHA: Dan se jwassal biex il-proċeduri interni tad-Direttorat jiġu aġġornati, bil-għan li jkun hemm ġabra ta’ informazzjoni iktar effiċjenti għall-uffiċjali pubbliċi u għall-pubbliku in ġenerali;
INVESTIMENTI FL-INFRASTRUTTURA GĦALL-UŻU TAD-DIRETTORAT: L-istrateġija se tindika l-bżonnijiet infrastrutturali eżistenti; fost dawn, faċilitajiet ta’ clinics ġodda, tisħiħ tas-servizz ta’ ambulanza għall-annimali, kif ukoll iktar spazji fejn jinżammu l-annimali abbandunati;
TISĦIĦ TAL-KAPITAL UMAN: L-istrateġija sejra tassigura li l-uffiċjali fi ħdan id-direttorat ikunu mħarrġa, u mogħtija r-riżorsi kollha meħtieġa biex jaqdu l-obbligi preżenti, kif ukoll dawk addizzjonali fil-futur;
TRASFORMAZZJONI DIĠITALI: Ir-riforma fid-Direttorat qegħda bbażata fuq l-użu tal-aħħar għodod teknoloġiċi, bil-għan li tassigura l-effiċjenza u l-effettività tad-Dipartiment, kemm internament kif ukoll mal-pubbliku;
INTRODUZZJONI TA’ PROĊEDURI STANDARD FL-OPERAT TAL-UFFIĊJALI: Id-Direttorat ser jaħdem biex jiġu mnedija numru ta’ standard operating procedures uffiċjali, li sejrin jassiguraw konsistenza kif ukoll trasparenza fl-obbligi tal-uffiċjali.
TISĦIĦ TAL-GOVERNANZA FI ĦDAN ID-DIRETTORAT: L-istrateġija ser timplimenta numru ta’ proċessi legali u finanzjarji ġodda, bil-għan li l-proċessi kollha tad-Direttorat jibqgħu aderenti għar-regolamenti lokali u Ewropej kollha;
KOMUNIKAZZJONI DIRETTA MAL-PUBBLIKU: L-istrateġija qegħda tenfasizza fuq komunikazzjoni diretta, attiva u trasparenti mal-pubbliku inġenerali, u speċjalment mal-attivisti kollha li jaħdmu f’dan is-settur. Dan ser isir tramite l-użu tal-midja soċjali, il-midja tradizzjonali, u anke diskussjoniijet diretti maċ-ċittadini;
Is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said saħqet lil-ħidma tad-Dipartiment tal-Animal Welfare għandha tkompli bl-iktar mod effiċjenti u għalhekk sar proċess ta’ evalwazzjoni biex ġew identifikati n-nuqassijiet preżenti.
Il-Ministru Anton Refalo saħaq li huwa importanti li wieħed jirrifletti sabiex jkun possibli li jitjieb is-servizz. Il-Ministru faħħar din ir-riforma u rringrazzja lill-ħaddiema kollha tad-Dipartiment tal-Animal Welfare.