Minn Jannar ta’ din is-sena ntlaqgħu aktar minn elf u tmien mitt Blue Badge minn Aġenzija Sapport.
Dan is-servizz issa qed jiġi offrut ukoll b’mod elettroniku permezz ta’ formola ta’ applikazzjoni onlajn li tilqa’ wkoll il-pagament u d-dokumenti neċessarji li wieħed ikollu bżonn jissottometti sabiex tiġi proċessata l-applikazzjoni.
Il-Blue Badge hu dokument legali li bih wieħed jista’ jipparkja l-vettura li qed jivvjaġġa fiha f’postijiet ta’ parkeġġi riservati għal persuni b’diżabilità.
Waqt żjara fil-Head Office ta’ Aġenzija Sapport f’Santa Venera, il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat, u d-Drittijiet tal-Konsumatur, Julia Farrugia Portelli, iltaqgħet mat-tim li jħaddem dan is-servizz u segwiet il-proċess ta’ dawn l-applikazzjonijiet. Hija qalet li dan qed isir sabiex tkompli tiżdied l-aċċessibilità għas-servizzi li toffri l-Aġenzija u l-mixja lejn ħolqien ta’ servizzi diġitali.
“Permezz tas-sistema onlajn wieħed qed jevita l-iskariġġ, innaqqsu l-burokrazija u nżidu l-effiċjenza fl-għoti tas-servizz.”
Ministru Julia Farrugia Portelli
Matul iż-żjara, il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport Oliver Scicluna, spjega li l-Head Office mhux biss il-bażi uffiċjali tal-Aġenzija, fost binjiet oħra. Iservi wkoll ta’ punt ċentrali ta’ referenza fil-qalba tal-komunità għall-pubbliku meta jkun jixtieq jissottometti formoli u dokumenti, jistaqsi dwar servizzi li toffri l-Aġenzija, jattendi appuntamenti ma’ professjonisti – inklużi ħaddiema soċjali, u anke l-Bord mediku abbinat mal-applikazzjoni tal-Blue Badge.
“Tajjeb ukoll li wieħed jappezza li, meta jingħata appuntament biex jiġi assessjat, dak l-appuntament jiġi rispettat u l-persuna tattendi biex aħna ma nkunux qed noħolqu backlog fuq is-sistema.”
Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport, Oliver Scicluna
L-applikazzjonijiet għall-Blue Badge hi disponibbli mis-sit www.sapport.gov.mt jew mill-uffiċċji tal-Aġenzija Sapport f’Malta u f’Għawdex.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jċempel fuq il-Helpline tal-Aġenzija, Freephone 153.