Team Boom huma ċ-Champions il-ġodda tal-BOV Bowling Premier League fejn temmew id-dominju ta’ OKMalta.com li kienu rebħu l-kampjonat fis-seba’ staġuni preċedenti.
Team BOOM huwa mmexxi mill-player elite Mark Spiteri bit-tim magħmul miż-żgħażagħ li tagħhom huwa l-kowċ – Miguel Xuereb, Julian Baldacchino, Shaun Montanaro, Ruslana Grima, u Damian Pisani. Fil-logħbiet tagħhom jilagħbu 4 plejers minn dawn il-ħamsa msemmija. Mark Spiteri u l-bowler żagħżugħ Miguel Xuereb, li jilgħab biż-żewġ idejn għandhom punteġġ medju ta’ 200 punt fil-kampjonat filwaqt li l-bowler żagħżugħ l-ieħor tagħhom Julian Baldacchino bħalissa għandu l-logħba bl-ogħla punteġġ dan l-istaġun b’279.
Team BOOM kiseb ir-rebħ tal-Kampjonat BOV Premier tal-Bowling meta kien baqa żewġ granet ta logħob fejn ma sofrew l-ebda telfa fl-ewwel 14-il logħba tal-istaġun fejn kisbu 13-il rebħa u draw, fejn ukoll għelbu liċ-champions renjanti OKMALTA.com darbtejn.
Ernest Agius, Chief Operations Officer fil-Bank of Valletta u Edward Mifsud, President tal-Malta Bowling Association ippreżentaw il-trofew tal-Kampjonat BOV Premier tal-Bowling liċ-champions il-ġodda.
Il-Bank of Valletta huwa sostenitur ewlieni tal-inizjattivi sportivi f’Malta bħala parti mill-għan tal-Bank li jsaħħaħ ir-rabta bejn l-isport, l-attività fiżika, u s-saħħa u l-benesseri sabiex aktar nies ikunu jistgħu jgawdu l-benefiċċji ta’ stil ta’ ħajja attiva.