Matul il-business breakfast organizzat mill-Partit Laburista, il-Membri Parlamentari Ewropej tal-Partit Laburista taw redikont tal-ħidma tagħhom tul dawn l-ewwel erba’ snin tal-mandat ta’ ħames snin fil-Parlament Ewropew.
Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Laburista fil-Parlament Ewropew, Alfred Sant, innota li d-dejn tal-pajjiż baqa’ taħt is-60 fil-mija skont il-kriterji tal-Unjoni Ewropea. Dan minkejja l-isfidi internazzjonali bla preċendent, bil-Gvern Malti jissussidja ż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u biex iżomm prezzijiet stabbli.
Il-MPE tal-Partit Laburista Alfred Sant qal “Żied bil-qawwi t-tkabbir ekonomiku, allura l-livell tad-dejn nieżel, allura jillaxka ċ-ċintorin. Pajjiżi oħra ma kinux f’din il-pożizzjoni u allura hemmhekk jidħlu r-regoli taż-Żona tal-Ewro, kif se jitmexxew. Il-problema għalina dejjem tibqa’ dik li r-regoli jridu jagħtu kont tal-fatt li aħna daqshekk ċkejkna.”
Il-Viċi President tal-Grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi fil-Parlament Ewropew, Alex Agius Saliba, semma kif ħadem fil-qasam tal-qalba diġitali, fosthom permezz tal-introduzzjoni taċ-charger komuni.
L-MPE tal-Partit Laburista Alex Agius Saliba qal “Li jkollok 14-il kategorija ta’ prodott ta’ teknoloġija li trid tara li jkollok teknikament standard wieħed li jkun japplika għal dawn il-prodotti kollha, mhux biss l-istandard tal-lum, imma wkoll l-istandard futur. Qed nitkellmu wkoll fuq leġiżlazzjoni li qed tittekilja wkoll it-teknoloġijia wireless.”
Min-naħa tiegħu, l-Ewroparlamentari Cyrus Engerer semma s-sehem tiegħu biex, wara t-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, Malta ġabet deroga dwar l-importazzjoni ta’ mediċina li ġejja minn dan il-pajjiż. Qal li dan sar b’kordinament bejn il-Gvern Malti u l-Unjoni Ewropea.
L-MPE tal-Partit Laburista Cyrus Engerer qal “Il-mediċini li tant nużaw, il-mediċini li nafdaw – għax din hija kwistjoni wkoll ta’ mediċini li nafdaw ukoll, mediċini li tkun drajt bihom, mediċini illi inti taf għax imdorri tuża lilhom – riedu l-Maltin is-serħan il-moħħ illi, għal żmien itwal ikomplu jużaw dawn il-mediċini illi kienu mdorrijin jużaw.”
Waqt dan il-business breakfast tkellmu bosta rappreżentanti ta’ msieħba soċjali, li saħqu li dejjem sabu lill-Ewroparlamentari Laburisti biex jagħtuhom widen u jieħdu azzjoni fl-interess nazzjonali.