Tifel ta’ disa’ snin u tifla ta’ sitt snin kienu fost dawk li ndarbu f’inċident tat-traffiku li seħħ ilbieraħ filgħaxija fi Triq Sir Temi Zammit, l-Imġarr.
Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li għal xi raġuni vettura misjuqa minn mara ta’ 37 sena residenti Ħal Qormi ħabtet ma’ żewġ vetturi li kienu pparkjati. Fil-vettura mal-mara kien hemm raġel ta’ 39 sena residenti Ħal Qormi u t-tfal.
REKLAM
SKROLLJA BIEX TKOMPLI
Huma ngħataw l-għajnuna minn tim mediku u ttieħdu l-Isptar Mater Dei permezz ta’ żewġt ambulanzi.
Aktar tard ir-raġel ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi filwaqt li l-mara u ż-żewġt itfal sofrew ġrieħi ħfief.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.