Ġiet inawgurata l-ewwel fażi ta’ immodernizzar u rinovar tal-Librerija Pubblika Ċentrali, b’investiment ta’ tliet mija u erbgħin elf ewro.
L-ewwel fażi ta’ xogħlijiet rat ir-ristrutturar tas-sezzjoni mill-parti tal-qarrejja adulti, rinovar ta’ aperturi, sistema ta’ partitioning bil-ħġieġ u numru ta’ interventi għal aktar aċċessibiltà.
Il-Librar Nazzjonali Cheryl Falzon qalet li se tkompli t-tieni fażi, fejn isir xkaffar tradizzjonali tal-kotba, reading hubs, 3D printing u Virtual & Augmented Reality, kif ukoll spazju għal korsijiet u attivitajiet edukattivi u rikreattivi regolari.
“Bdejna mis-sezzjoni tal-adulti, fejn fiha ħa ndaħħlu, apparti l-kotba, ħa jkun hawn stazzjonijiet tal-kompjuters, creating hubs u makers’ space. Fil-makerspace, il-poplu jista’ jesperjenza, 3D printing, pereżempju, augmented u virtual reality, korsijiet, eżempju se jkollna kors ta’ graphic novels. Ikun hemm spazju fejn jistgħu jkunu kreattivi.”
Dan l-investiment ġie inawgurat mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, li spjega l-bidliet li esperjenzaw il-Malta Libraries fl-aħħar għaxar snin.
Fosthom il-bidla tas-sistema kompjuterizzata tal-libreriji, kif ukoll l-introduzzjoni tal-kotba elettroniċi b’xejn.
“Investiment ta’ terz ta’ miljun ewro, issa din il-parti tal-librerija ċentrali, biex tilqa’ aktar tfal u adulti, u nkomplu nressqu l-ktieb fiċ-ċentru u l-qalb tal-poplu Malti u Għawdxi.”
Din il-ġurnata, kienet imsawra wkoll bi programm ta’ attivitajiet-fosthom mis-Sezzjoni tad-Diġitizzazzjoni ta’ Heritage Malta, Saving Our Blue Campaign u l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu.