Ġie identifikat u sospiż milli jsuq aktar ix-xufier ta’ taxi li f’filmat deher iħalli lill-passiġġieri jitilgħu fuq wara tal-vettura.
Fi stqarrija Transport Malta kkundannat bil-qawwa din l-azzjoni perikoluża.
Il-filmat, deskritt bħala wieħed xokkanti, li wasal ukoll f’forma ta’ rapport lil Transport Malta, juru mill-inqas żewġ passiġġieri jitilgħu f’vettura mill-bagoll. Dawn il-ksur flagranti tal-miżuri tas-sikurezza tal-passiġġieri u n-nuqqas ta’ rispett tal-liġijiet tat-traffiku huma inaċċettabbli.
Transport Malta qalet li tisħaq li attivitajiet bħal dawn jipperikolaw il-ħajja tal-passiġġieri u jimminaw l-integrità tas-sistema tat-trasport.
Dan il-każ issa se jitressaq mill-Korp tal-Pulizija ta’ Malta, fejn se jinħarġu akkużi fil-jiem li ġejjin.
Transport Malta ħeġġet lill-pubbliku biex jirrapporta kull imġieba illegali jew imġieba mhux sigura min-naħa tas-sewwieqa. Il-pubbliku għandu rwol vitali biex jgħin lill-awtoritajiet jirrappurtaw fil-pront inċidenti bħal dawn u jidentifikaw dawk li jimminaw is-sikurezza talpassiġġieri u jieħdu azzjoni xierqa.
Transport Malta tenniet l-impenn tagħha li tipprovdi l-ogħla livell ta’ sigurtà fit-trasport pubbliku. L-Awtorità qalet li se tkompli taħdem bis-sħiħ biex tiżgura li s-sewwieqa kollha jikkonformaw mal-liġijiet u r-responsabbiltajiet imposti fuqhom.