Ben Ramadan Mahmoud, Libjan ta’ 46 sena, inzamm arrestat wara li allegatament seraq bott tal-karità ta’ Puttinu Cares, b’valur ta’ madwar mitejn u tletin ewro, f’ħanut f’Raħal Ġdid.
Il-Prosekuzzjoni qalet fil-Qorti, ppreseduta mill-Maġistrat Victor Axiak, li l-Pulizija tal-Għassa ta’ Raħal Ġdid, daħlilha rapport li l-imputat kien qed iħuf fl-inhawi, u minn tfittxija li saret, irriżulta li allegatament kellu fil-pussess tiegħu wkoll, mowbajl misruq.
Huwa kien ukoll riċediv.
Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, minkejja li ma saret ebda talba għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Libjan m’għandux indirizz fiss u lanqas impjieg.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Paul Camilleri u Antonello Magri, filwaqt li d-Difiża tmexxiet mill-Avukat tal-Għajnuna Legali Mark Anthony Mifsud Cutajar.