Sal-25 ta’ Ġunju li ġej, se jkun qed jittella’ l-Festival Internazzjoni tal-Arti li joffri kullana varjata ta’ arti, drama, mużika, spettaklu u żfin.
Dan il-festival joffri l-aqwa arti mix-xena lokali billi jagħti lill-artisti Maltin – kemm dawk stabbiliti u dawk li mhumiex, pjattaforma dinamika biex jesponu l-arti tagħhom u biex jiddjalogaw ma’ udjenzi iktar wiesgħa.
Bil-kollaborazzjoni ta’ Teatru Malta, Festivals Malta u Theatre Anon, “Dik is-siġra f’nofs ta’ triq” hija l-play li fetħet il-Festival Internazzjoni tal-Arti.
L-istorja li għandha tema ambjentali qed tittella fuq tliet palkijiet fl-MCAST f’Raħal Ġdid. Bħala storja hija waħda fantastika miktuba minn Immanuel Mifsud u għandha ħafna mużika miktuba minn Albert Garzia, bi tnax-il attur li jaħdmu flimkien biex joħolqu din it-triq li ma jaf biha ħadd.
“Hija poeżija drammatika li fiha niltaqgħu ma’ ħafna karattri differenti u nteressanti. Nies bħas-Suldat tal-mitt midalja, il-mara taċ-ċikkulata, l-aħwa li ma jiftehmu qatt, Tittina u Tittinu imma l-aktar waħda importanti hija l-Mara li toħlom tgħajjat, li kellha storja ta’mħabba, ir-raġel zopp li qatt ma jieqaf. Dawn huma karattri interessantissimi u strambi, minnhom infushom għax huma kollha joqogħdu f’din it-triq li ma jaf biha ħadd.”
“Dik is-siġra f’nofs ta’ triq” hija taħlita ta’ mużika, varjeta, satira u kummiedja. B’kollox se jittellgħu għaxar rappreżentazzjonijiet u hija mmirata għal persuni mit-tnax–il sena ’l fuq. Il-biljetti jistgħu jinkisbu minn Teatru Malta.
Fl-aħħar nett, Chris Gatt qalilna li waqt “Dik is-siġra f’nofs ta’ triq” wieħed ħa jieħu gost u se jidħaq, imma sarkastikament qalilna li d-daħka tista’ tkun waħda morra.