Refa’ fuq il-mard tagħna, tgħabba bin-niket tagħna. Fl-1813, is-Senglejani talbu lir-Redentur tal-Isla u lill-Bambina li jekk ma tidħolx il-marda tal-Pesta fl-Isla, tibqa’ ssir purċissjoni kull sena u hekk baqa’ jiġri kull sena f’Ġunju.
L-istatwa mirakoluża ta’ Ġesu Redentur toħroġ mat-toroq tal-Isla tliet darbiet. F’Marzu meta jsir il-Pellegrinaġġ Nazzjonali Djoċesan, nhar il-Ġimgħa l-Kbira u f’Ġunju, Ħadd wara Corpus.
Eluf ta’ Maltin mistennija joħonqu t-toroq tal-Isla biex jimxu wara l-istatwa mirakoluża ta’ Ġesu Redentur li tiġbed lejha devozzjoni kbira fost il-poplu. Il-purċissjoni mistennija tkun immexxija mill-Emminenza Tiegħu il-Kardinal Mario Grech – Segretarju tas-Sinodu tal-Isqfijiet.
Filwaqt li qalilna li l-istedina għall-Ħadd hija miftuħa għal kulħadd, l-Arċipriet Dun Robin Camilleri tkellem magħna dwar id-devozzjoni lejn ir-Redentur.
“Nistennew ħafna nies bħas-soltu, li jżommu l-appuntament tagħhom, ta’ kull sena li jiġu għall-din il-purċissjoni, għax ħafna min-nies għandhom din ir-rabta mar-Redentur, iħossu li Hu viċin tagħhom u li qed jismagħhom u li jpoġġu t-tbatijiet tagħhom, ipoġġu l-mard tagħhom u anki hemm min jiġi biex jirringrazzjah tal-wegħdi li jkun qala matul is-sena.”