Ix-xogħol li jagħmel żiemel mill-Kavallerija tal-Pulizija, huwa ekwivalenti daqs dak li jwettqu ħmistax-il uffiċjal f’daqqa.
Hekk qalilna s-Surġent David Fenech, li tkellimna miegħu dwar il-ħidma tat-Taqsima tal-Kavallerija waqt avvenimenti tal-massa, fl-isfond tal-grawnd ta’ Ta’ Qali, fejn il-Ġimgħa filgħaxija saret il-partita tant mistennija ta’ Malta kontra l-Ingilterra.
Is-surġent qalilna li l-ħidma għal avveniment bħal dan tkun ilha għaddejja xhur, għaliex żiemel jgħaddi minn taħriġ intensiv biex ikun lest għal ambjent bħal dan.
Apparti minn hekk, ikun hemm xogħol ieħor ta’ kuljum, bħall-grooming taż-żwiemel, it-tindif tal-istalel u l-preparazzjoni tal-ikel.
Fil-fatt, ONE News ingħata ċ-ċans li anki jżur l-istalel tal-Kavallerija qabel il-logħba, biex jifhem ix-xogħol li jagħmlu l-uffiċjali f’din it-Taqsima, biex jassiguraw li ż-żwiemel jinżammu fl-aqwa stat possibbli u jingħataw it-taħriġ kollu meħtieġ bi tħejjija għal avvenimenti kbar fil-pajjiż.
Wara t-tindif taż-żwiemel u tal-istalel, l-uffiċjali nġabru flimkien biex jingħataw spjega ċara u fid-dettall ta’ kif se jkun qed jitqassam ix-xogħol matul il-lejl. Minn hemmhekk, għall-ħabta tal-ħamsa, l-uffiċjali bdew jgħabbu ż-żwiemel fil-karrijiet biex jerħulha lejn Ta’ Qali.
Quddiem grawnd ippakkjat b’eluf ta’ partitarji Maltin u Ingliżi, is-Surġent Fenech spjegalna l-importanza li ż-żwiemel li joħorġu f’dawn l-avvenimenti, ikunu mħarrġa sew.
“It-training biex tipprepara għal logħba bħal din jieħu daqsxejn ta’ żmien. Wieħed irid iżomm f’moħħu li żiemel aħna nixtruh minn ġo farm, ma jkun jaf xejn, allura biex joqgħod standstill għal massa kbira ta’ nies jew jara bnadar itiru ma’ wiċċu, dak kollu training, l-ewwel nibdew bil-ftit u nżidu maż-żmien.”
Is-Surġent kompla jispjega li żiemel idum madwar sena jitħarreġ biex ikun lest għal avveniment bħal dan, b’mod partikolari b’rondi regolari biex jaqta’ mill-ambjent ta’ stalla u jidra f’ambjenti differenti.
L-iskop huwa dejjem biex iż-żwiemel ikunu kapaċi jżommu l-kontroll tal-massa f’avvenimenti kbar.
“Il-crowd li jistgħu jmexxu ħmistax-il Pulizija on foot, jiena nista’ mmexxihom b’żiemel wieħed. Mainly huwa crowd control, naraw li l-ordni tibqa’ għaddejja u kollox ikun sew. Jekk ħa naraw li Allaħares qatt jinqala’ xi ħaġa, imbagħad naħdmu flimkien.”
Is-Surġent saħaq li l-uffiċjali f’din it-Taqsima, dejjem jaħdmu flimkien, u kull uffiċjal ikollu żiemel partikolari biex tinbena relazzjoni ta’ fiduċja bejn iż-żewġ partijiet li, finalment, twassal għal ħidma effettiva li tagħti s-sigurtà meħtieġa lill-pajjiż.
“Tista’ taħdem waħdek affarijiet żgħar, bħal per eżempju wieħed ħariġlek minn ġol-kju, allura mort u erġajt tfajtu fil-kju, hekk tajjeb, imma meta għandek massa kbira ta’ nies li taħseb li ħa jaqilgħu l-inkwiet, aħna naħdmu kollha f’daqqa.”