Aktar kmieni llum, il-President George Vella kellu laqgħa ma’ Fra’ John T. Dunlop, Gran Mastru tal-Ordni Militari Sovran ta’ San Ġwann ta’ Ġerusalemm, ta’ Rodi u ta’ Malta, li jinsab f’Malta għall-ewwel darba mill-ħatra tiegħu f’Mejju 2023.
Filwaqt li laqa’ lill-Gran Mastru fil-Palazz tal-Belt Valletta, il-President Vella feraħ lill-Gran Mastru għall-ħatra tiegħu. Saħaq fuq l-importanza li Malta tagħti lir-rabtiet storiċi u uniċi tagħha mal-Ordni, li huma msejsa fuq il-valuri u l-prinċipji komuni. Il-biċċa l-kbira tal-wirt arkitettoniku, kulturali u artistiku oriġina matul il-preżenza tal-Ordni f’Malta matul il-mijiet ta’ snin. Hekk kif l-Ordni jidħol f’fażi ġdida, żied jgħid il-President Vella, żgur li ser iżomm il-vokazzjoni li kellu għal żmien twil li jaħdem favur il-morda u dawk żvantaġġati madwar id-dinja, u semma l-Ukrajna, is-Sirja u l-Afrika bħala eżempji.
Min-naħa tiegħu, il-Gran Mastru Dunlap esprima s-sodisfazzjon tiegħu li jinsab Malta u rrefera għall-impenji li kellu l-ġurnata ta’ qabel fil-Birgu, li kienet serviet bħala l-ewwel belt kapitali tal-Ordni. B’ħarsa lejn il-futur, il-Gran Mastru ta ħarsa ġenerali lejn il-viżjoni u l-pjanijiet tiegħu għal aktar tisħiħ tal-kuntatti ma’ Malta. Saret referenza għall-possibbiltà li tingħata aktar viżibilità lill-Ordni permezz tal-wirt arkitettoniku li ħalla f’Malta.
Iż-żewġ partijiet kellhom skambju dettaljat dwar is-sitwazzjoni li tikkonċerna l-migrazzjoni irregolari fil-Mediterran, bil-Gran Mastru jwassal ir-rieda tal-Ordni li jassisti lill-awtoritajiet Maltin b’inizjattivi tanġibbli.
Għal din il-laqgħa, il-President Vella kien akkumpanjat minn Ian Borg, Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ.
Illejla, il-President Vella ser ikun qed jipparteċipa f’ċelebrazzjoni tal-festa ta’ San Ġwann il-Battista, Qaddis Patrun tal-Ordni Militari Sovran ta’ San Ġwann ta’ Ġerusalemm, ta’ Rodi u ta’ Malta.