Il-laqgħa bejn il-Prim Ministru Malti Robert Abela u l-Prim Ministru Taljana Giorgia Meloni kienet waħda pożittiva li kompliet issaħħaħ ir-relazzjonijiet bejn Malta u l-Italja, pajjiżi ġirien fil-Mediterran u fl-Ewropa.
Dan kien il-messaġġ li għaddew il-Ministri Ian Borg u Byron Camilleri, li akkumpanjaw lill-Prim Ministru Robert Abela fil-laqgħa li kellu mal-kontroparti tiegħu Giorgia Meloni f’Ruma, il-Ħamis.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Ian Borg, qal li ż-żewġ mexxejja kellhom diskussjonijiet dwar temi komuni kemm għaż-żewġ pajjiżi u anki għar-reġjun, fosthom il-migrazzjoni, l-enerġija, u d-difiża.
“Jiġifieri naħseb, kif qalu l-Prim Ministri nfushom, Abela u Meloni, kienet laqgħa importanti ħafna bejn żewġ pajjiżi li r-rispett u anki l-affinità li hemm bejn Malta u l-Italja, forsi niħduha tant for granted, iżda fil-verità rridu naħdmu fuqha ħalli ntejbuha.”
Ministru Ian Borg
Huwa semma l-importanza li ż-żewġ pajjiżi jaħdmu flimkien favur l-istabbilita fil-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq, fosthom mal-Libja u t-Tuneżija, u l-importanza tal-koperazzjoni bejniethom.
Il-Ministru Ian Borg qal li hemm impenn bejn iż-żewġ pajjiżi biex jingħalqu darba għal dejjem it-taħditiet dwar il-blata kontinentali – kwistjoni li ilha tkun diskussa.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi, u l-Ugwaljanza, Byron Camilleri, qal li l-laqgħa tal-Ħamis uriet ir-relazzjoni tajba li għandhom il-Prim Ministru Robert Abela u l-Prim Ministru Taljana Giorgia Meloni.
“Matul din il-laqgħa anki kien hemm ftehim, anki li se nkomplu nimxu ’l quddiem b’ħidma fil-qrib mal-Italja fuq diversi miżuri, sew jekk fuq l-enerġija, sew jekk l-immigrazzjoni, u sew jekk hux fuq id-difiża jew inkella affarijiet oħrajn. Dan jawgura tajjeb għaż-żewġ pajjiżi ġirien li rridu naħdmu flimkien sabiex, fl-aħħar mill-aħħar, ingawdu minn din il-ħidma konġunta.”
Ministru Byron Camilleri