Debbie Scerri, se tkun qed tirritorna fuq ONE, mill-iskeda tas-sajf. Għal bosta snin, Debbie ppreżentat diversi programmi fuq dan l-istazzjon, iżda ilha nieqsa mill-preżentazzjoni ta’ xi programm kemm minn ONE u kemm mit-televiżjoni, wara li fl-2016 tilfet lil missierha.
Debbie, personalita’ versatili mmens bdiet il-karriera televiżiva tagħha lura fl-1994 ma’ Ray Azzopardi fil-programm Qawsalla u programmi oħra li kienu tant popolari għall-Ħadd wara nofsinhar. Maż-żmien, Debbie saret pijuniera fil-programmi magazine ta’ kuljum fuq ONE (dak iż-żmien Super 1 TV). Żgur li bosta jiftakruha bl-ewwel programm ta’ kuljum tagħha KIF INT? umbgħad rajniha f’Pezzettini, Flimkien, Sajf Flimkien, On the house, Medik u Mill-Vetrina tagħna kollha fuq ONE.
Wara nuqqas ta’ bosta snin, bl-esperjenza tagħha, Debbie se terġa’ tkun qrib is-segwaċi ta’ ONE, permezz tas-sehem tagħha fi programm ta’ kuljum li ser iżomm kumpanija lis-segwaċi ta’ ONE matul is-sajf.
Debbie Scerri li fl-1997 rrappreżentat lil Malta fil-Eurovision Song Contest, hija grata lejn l-istazzjon ONE li reġa’ tagħha l-opportunita’ li tidħol fid-djar tan-nies permezz tal-preżentazzjoni tagħha f’programm ta’ kuljum. Hi qed tħarres ‘il quddiem għal dan is-sajf li se jkun esperjenza oħra fil-karriera televiżiva tagħha.