Il-midja Taljana rrappurtat bi prominenza l-laqgħa uffiċjali li saret ilbieraħ bejn il-Prim Ministru Malti Robert Abela u l-Prim Ministru Taljana Giorgia Meloni, f’Palazzo Chigi f’Ruma.
Is-sit ANSA rrapporta li l-Prim Ministru Taljana qalet li din il-laqgħa se tkompli ssaħħaħ ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi, li se jindirizzaw temi komuni.
L-istess sit irrapporta wkoll li l-Prim Ministru Malti stieden lill-Prim Ministru Taljana għal-laqgħa tal-mexxejja tal-MED9, li se ssit f’Settembru li ġej f’Malta.
Ġie rrappurtat li l-pjan imsejjaħ “ta’ Mattei”, propost mill-Gvern Taljan, huwa konformi mal-viżjoni ta’ pajjiżna ta’ koperazzjoni fil-qasam tal-enerġija mal-Afrika ta’ Fuq, fosthom fl-enerġija solari u dik iġġenerata bir-riħ.
It-titlu tar-Rai dwar din il-laqgħa għolja f’Ruma kien jgħid li Malta u l-Italja se jġeddu r-relazzjoni b’saħħithom li diġà jeżistu bejniethom.
Intqal li din il-laqgħa kienet opportunita bejn iż-żewġ mexxejja sabiex iwasslu l-istess messaġġ waqt il-Kunsill Ewropew, li se jsir fl-aħħar ta’ dan ix-xahar fi Brussell.
L-artikli kollha jsemmu l-isfida tal-migrazzjoni, u ntqal li ż-żewġ Gvernijiet qed jaħdmu flimkien sabiex ibiddlu l-mentalità f’dan is-suġġett. Intqal li qablu dwar l-importanza tal-koperazzjoni mal-pajjiżi Afrikani minn fejn ġejjin l-immigranti.
Anki t-TG24 ttratta dan is-suġġett u rrappurta li għandu jkun hemm difiża adegwata tal-fruntieri Ewropej fil-Mediterran, waqt li ż-żewġ mexxejja saħqu fuq l-importanza ta’ aktar koperazzjoni dwar dan is-suġġett.
Aqra Aktar: