F’reazzjoni għall-fatt li l-Pulizija kellmu lit-tielet artist minħabba li saret kwerela minn Pastor Gordon John Manché għax ħass li żżuffjetta bih, il-Ministru Byron Camilleri qal lil ONE News li dan mhux aċċettabbli f’pajjiżna.
“Dan mhuwiex aċċettabbli f’pajjiżna, u l-Pulizija jridu jooqgħdu attenti ħafna li huma ma jkunux l-għodda f’idejn l-estremisti iżda jaraw li jkunu huma stess li f’Malta jiddefendu l-libertà tal-ħsieb u l-libertà tal-artist,” qal il-Ministru.
Huwa saħaq li f’Malta għandna bżonn aktar satira u inqas aġir bħal dan ta’ Gordon John Manché.
F’kitba li tella’ fuq il-Facebook aktar kmieni llum, il-Ministru Camilleri qal li flimkien mal-Ministru għall-Arti, il-Wirt Nazzjonali, u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, se jkun qed nara wkoll li jekk hemm bidliet leġiżlattivi oħra li jistgħu jsiru, isiru wkoll.
Anki l-Ministru Bonnici kiteb fuq il-midja soċjali, u qal li assolutament mhux aċċettabbli li nħallu lil min jabbuża mil-ligijiet tagħna biex jipprova joħnoq lill-artisti. “Għamilna ħafna biex nipproteġu l-artisti u se nkomplu nagħmlu hekk,” qal il-Ministru.