Is-servizzi soċjali ta’ pajjiżna ġew rikonoxxuti f’konferenza soċjali Ewropea, li qed tlaqqa’ taħt saqaf wieħed aktar minn sitt mija u sebgħin delegat minn erbgħin pajjiż.
Il-konferenza, imsejħa European Social Network, qed issir fl-Iżvezja; il-pajjiż li minn dan ix-xahar ħa t-tmun tal-Presidenza Ewropea.
Kull sena, din il-konferenza tara li tiddiskuti sfidi kurrenti bil-għan li jinstabu soluzzjonijiet.
Din is-sena mhix eċċezzjoni, u s-suġġett dominanti huwa t-teknoloġija, u kif l-avvanzi fid-dinja diġitali jistgħu jgħinu lis-servizzi soċjali madwar id-dinja jkunu aktar effiċjenti u inklussivi.
Fil-fatt, fost il-workshops li saru, ġiet diskussa t-teknoloġija fil-kuntest ta’ kif tista’ tindirizza l-faqar, l-abbuż mis-sustanzi, lit-tfal vulnerabbli, u l-anzjani.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali, Alfred Grixti, spjega s-sinifikat ta’ din il-konferenza.
Qal, “Jekk trid titgħallem x’qed jiġri fil-qasam tal-ħarsien soċjali, trid tattendi din il-konferenza. U aħna nattendu bi ħġarna, inġibu lil sħabna pereżempju hawn ukoll mill-Aġenzija Sapport u mill-Active Aging u nitgħallmu x’qed jiġri barra minn Malta biex inkunu nistgħu naraw x’jgħodd għalina ħalli ntejbu s-servizzi tagħna.”
Huwa kompla jispjega li l-professjonisti Maltin li qed jattendu din il-konferenza, qed jingħataw opportunità tad-deheb biex jimplimentaw dak li jitgħallmu minn pajjiżi oħra fil-ħidma tagħhom ta’ kuljum.
Fl-istess waqt, din il-konferenza ħarġet fid-deher ir-realtà ta’ nuqqas ta’ professjonisti soċjali madwar id-dinja kollha.
Qal, “Aħna llum tkellimna u spjegajna kif taħdem il-Case Management System tagħna li hija state-of-the-art, u stajna naraw li kulħadd kien interess u ferħilna li pajjiż daqstant żgħir, qed indaħħlu sistemi li barra minn Malta mhux il-pajjiżi kollha għandhom.”
Il-President tal-European Social Network, Christian Fillet, spjega ma’ ONE News kif Malta, minkejja ċ-ċokon tal-pajjiż, qed tkun kreattiva mmens fis-sistemi soċjali li tħaddem, tant li qed isservi ta’ mudell għal pajjiżi oħra.
Qal, “Their views, in my eyes, are very innovative. The fact that they are a small island when you see other countries, it gives you the opportunity to be very creative because they have to find solutions for their own and these solutions, we can learn from them for other regions and other countries.”