Fil-Qorti kompla l-ġuri ta’ Anthony Bugeja ta’ 55 sena minn Marsaxlokk u Piero Di Bartolo ta’ 49 sena, li huma mixlija li qatlu lil Albert Brian Rosso fl-2005. Huma qed ikunu mixlija li kellhom arma tan-nar bla liċenzja, li ħelsu mill-katavru billi tefgħuh fi xkora, u li rmewh fil-baħar f’Bengħisa.
Fix-xiehda tagħha, martu Mary Rose Rosso qalet li żewġha ma kienx xi beżżiegħi imma f’daqqa waħda nbidel. Irrakkuntat kif kien ikun inkwetat minħabba theddid fuq ħajtu.
Semmiet kif fl-10 ta’ Ottubru ma kinitx għamlet kif kienet tagħmel ta’ kuljum. Is-soltu, qabel tmur l-iskola – għax dak iż-żmien kienet taħdem bħala għalliema – kienet tkompli miegħu imma dakinhar kellha tidħol l-iskola aktar kmieni. Dakinhar, f’telefonata miegħu, kien qalilha l-aħħar kliem – li ma jimpurtax.
Dakinhar, wara ħafna telefonati ma’ Albert u li kienu bla rispons, bdiet titħasseb u ratha stramba.
Kienet għamlet rapport fl-għassa ta’ Ħaż Żabbar. Irrakkuntat kif ma kien qed jafda lil binhom imkien u kif kien qaliha aktar minn darba li kienu qed jhedduhom.
Meta ppruvat tikseb aktar informazzjoni dwar Albert, qalet li Di Bartolo kien qalilha li ma kelliex għalfejn tinkwieta.
Semmiet kif, wara li żewġha għeb, kienet neħħiet il-bastiment u l-liċenzja, u poġġiet nofs il-flus għand in-nutar biex id-drittijiet pretesi ta’ Bugeja jkunu assigurati fuq il-bejgħ. F’kawża ċivili fl-2016, Bugeja kien fittixhom, imma tilifha.
Ix-xhud semmiet kif darba minnhom, waqt it-tkarkir, meta żewġha kien qed jagħlef id-dniefel, kienet instemgħet sparatura u ntlaqat denfil minnhom. Semmiet kif żewġha kien irrabja meta kien lemaħ lil Bugeja b’senter u kien semma magħha dan il-każ. Hu dejjem kien jinsisti li ma jkunx hemm armi magħhom.
Semmiet kif darba oħra, Brian Rosso kien ta struzzjonijiet lil Bugeja biex ma jreġġax lura l-bastiment waqt li kienu qed ittelgħu x-xbieki. Fil-fatt, ġara bil-kontra tant li x-xbieki tħabblu fl-iskrun. Dakinhar kien qam argument jaħraq bejn it-tnejn. Rosso kien beża’ minn Bugeja dakinhar, anki minħabba l-fatt li hu ma kienx jaf jgħum.
L-armla xehdet kif il-familja tagħhom kienet affettwata ħażin bl-għajbien ta’ żewġha, psikoloġikament, finanzjarjament u anki fiżikament.
L-avukati Angele Vella u Andrea Zammit dehru għall-Prosekuzzjoni filwaqt li l-avukati Arthur Azzopardi u Franco Debono dehru għal Bugeja u l-avukat Roberto Montalto għal Di Bartolo. L-Avukat Stefano Filletti qed jidher għall-familja ta’ Albert Brian Rosso.