L-impjant il-ġdid tar-riċiklaġġ f’Ħal Far mistenni jirriċikla 15,000 tunnelata ta’ skart fis-sena.
Dan l-impjant, li l-għan tiegħu huwa li jtejjeb l-immaniġġjar tal-iskart, se jittratta tipi ta’ skart li sa issa kienu jintefgħu fil-miżbla, bla ebda proċessar.
Dan l-iskart issa se jibda jiġi pproċessat u jkun parti mill-ekonomija ċirkolari u permezz tiegħu pajjiżna se jilħaq il-miri ambjentali ffissati mill-Unjoni Ewropea.
Tkellimna ma’ Daniel Tabone, li huwa uffiċjal tal-Wasteserv. Huwa spjega kif se jkun qed jitħaddem dan l-impjant, wara li jasal fih l-iskart minn faċilitajiet oħra tal-Wasterserv.
Qal, “Imbagħad, għandna l-proċess li jintagħżel, jiġifieri jiġi poġġut f’areas apposta għalihom, imbagħad dan jgħaddi, eżempju t-tajers jiġu magħfusin ġo balla, li hija kważi 900 kilo. Imbagħad, meta jkollna ammont sostanzjali ta’ dan il-materjal, nesportaw għall-ekonomija ċirkolari. Għandna x-xreder, li se ngħaddu minnu saqqijiet waħidhom, li għandu wkoll kalamita ħalli nkunu nistgħu niġbru l-ħadid u dak il-ħadid, minflok jintilef, nibagħtuh għar-riċiklaġġ. L-injam ukoll, l-iskop tagħna huwa li nsibu swieq li nistgħu nirriċiklaw.”
Daniel Tabone spjega li l-affarijiet li se jiġu esportati, ħafna minnhom se jintbagħtu f’pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, li permezz tagħha l-iskart tagħna se jkun riżorsa li jiddaħħal fl-ekonomija ċirkolari.
Qal, “Dan l-impjant huwa pedina importanti biex nilħqu l-miri. Għalfejn? Għax qabel, sfortunatament, ħafna mill-materjal bħas-saqqijiet u l-injam kien qed jispiċċa fil-miżbliet tagħna. Jiġifieri nnaqqsu l-iskart li sejjer fil-miżbliet. Se jiġi hawnhekk u b’hekk inkunu qed nilħqu dawk il-miri.”