Fil-Qorti Kostituzzjonali nstemgħu l-argumenti marbuta mat-talba tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat għar-rikuża tal-Maġistrat Gabriella Vella, li qed tmexxi inkjesta maġisterjali b’rabta mal-konċessjoni tal-isptarijiet.
Permezz tal-Avukat tiegħu, Dr Muscat talab għar-rikuża tal-Maġistrat Vella biex ma jinkisrux id-drittijiet tiegħu.
Dan fl-isfond li l-Maġistrat ma aċċettatx li tirrikuża ruħha wara li missierha u ħuha ppromowvew propoganda tal-għaqda Repubblika, li talbet l-inkjesta.
Permezz ta’ Jason Azzopardi bħala l-Avukat tagħha, l-għaqda Repubblika argumentat li għandha interess ġuridiku, bl-Avukat Charlon Gouder f’isem Dr Muscat qal li Repubblika għandha biss interess fuq l-eżitu tal-każ u għalhekk ma għandhiex jedd li tintervjeni fit-talba tar-rikuża.
Il-każ quddiem il-Qorti Kostituzzjonali se jkompli fil-5 ta’ Lulju fejn mistennija deċiżjoni dwar l-argumenti mressqa.