Minn tal-inqas 79 migrant mietu wara li d-dgħajsa tas-sajd li kienu fuqha nqalbet ‘il barra mill-kosta tan-naħa ta’ isfel tal-Greċja.
Minkejja li l-awtoritajiet ikkonfermaw biss dawn in-numri, il-migranti li salvaw qed jgħidu li kien hemm mijiet oħra li kienu abbord magħhom, fosthom mitt tifel u tifla.
Rapporti qed jgħidu li b’kollox fuq id-dgħajsa kien hemm mas-750 migrant.
Il-Gvern Grieg iddeskriva dan l-episodju bħala wieħed mill-agħar traġedji li qatt seħħ fil-Greċja b’rabta mal-migrazzjoni.
Fil-fatt sejjaħ għal tliet ijiem ta’ luttu.
Il-midja internazzjonali qed tirrapporta kif il-gwardja tal-kosta qed tiġi kkritikata talli ma ħaditx azzjoni b’mod immedjat u għenet lil dawn il-migranti, iżda qed jingħad kif il-kaptan tad-dgħajsa rrifjutat l-għajnuna.
Kien wara li l-magna esperjenzta ħsara u f’temp ta’ kwarta għerqet kompletament.
Minnufih bdiet operazzjoni delikata, li qed tkun imfixkla minn riħ qawwi, u li għadha għaddejja s’sissa bit-tama li jistabu aktar migranti ħajjin.